Il-maġġoranza tal-istabbilimenti Għawdxin innutaw kif is-sena l-oħra kienet ferm aħjar minn dik ta’ qabel, is-sena li fiha faqqgħet il-pandemija.
Dan joħroġ minn stħarriġ ikkummissjonat mill-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu , li juri kif 68% tan-negozji Għawdxin raw żieda fl-andament tan-negozju tagħhom tul l-2021 meta mqabbel mas-sena ta’ qabilha, filwaqt li 24% oħra nnutaw kif ma rawx tnaqqis ta’ kummerċ mis-sena 2020.
L-istħarriġ juri wkoll irkupru fid-domanda ta’ turisti f’Għawdex, hekk kif 61% tan-negozji nnutaw żieda fl-effett tas-suq barrani fuq in-negozju tagħhom, filwaqt li ħamsa u ħamsin fil-mija tagħhom raw ukoll żieda fl-attività min-naħa tas-suq domestiku.
Meta mistoqsija dwar żmien il-festi fil-gżira ta’ tliet għoljiet, kwart tal-operaturi turistiċi raw żieda fil-qligħ tul dan il-perjodu meta mqabbel mal-2020, u 40% raw l-istess dħul tas-sena ta’ qabel.
Ma’ dan l-istazzjon, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat spjega kif dan l-istħarriġ juri sinjali ta’ rkupru b’saħħtu għall-gżira Għawdxija u n-negozji qed iħarsu lejn din is-sena b’ottimiżmu hekk kif mistennija anki jerġgħu jmorru aħjar.
“Dan is-survey juri ċar li s-sena 2021 beda l-irkupru tat-turiżmu fis-settur turistiku Għawdxi. Qed ngħidu irkupru għax ovjament is-sena elfejn u għoxrin kienet l-ewwel sena ta’ pandemija, is-sena l-oħra, is-survey wera li l-istabbilimenti tagħna marru aħjar. ”
Huwa spjega kif l-2020 kienet sena li wriet l-importanza tas-suq domestiku għal Għawdex, u dan is-suq jibqa’ sinifikanti minkejja li pajjiżna qed jirkupra mill-pandemija.
Muscat innota wkoll kif inizjattivi tal-Gvern, bħall-injezzjoni ekonomika tal-pakkett ta’ sebgħin miljun ewro fil-poplu Malti, huma kollha kruċjali sabiex ir-rota ekonomika Għawdxija wkoll tibqa’ ddur.
“Kull skema oħra li joħroġ il-Gvern biex ikun hemm aktar dħul disponibbli li jgħin lill-Maltin biex ikunu jistgħu jonfqu, aħna nemmnu li anke Għawdex jista’ jigwadanja minn dan l-infiq li jagħmlu l-Maltin meta jkunu fostna.”