Id-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis qed jitfa’ l-piż tad-dejn li għandha l-kumpanija tiegħu fuq il-ħaddiema.
Il-gazzetta KullĦadd irrappurtat kif il-ħaddiema fil-kumpanija ta’ Joe Ellis ta’ spiss qed ikunu mċaħħda minn dak li huwa dovut lilhom fil-ħin.
Dan hekk kif ħaddiema għadhom qed jistennew il-ħlas ta’ Diċembru, li kien ukoll jinkludi l-bonus statutorju tal-Gvern.
Id-deputat li għalih ħareġ għonqu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech biex jiddefendih fil-kunflitt ċar li għandu mal-pożizzjoni Parlamentari tiegħu, jidher li għandu drawwa li ma jħallasx il-pagi fil-ħin hekk kif il-gazzetta rrappurtat kif dan id-dewmien mhux każ iżolat.
Fl-aħħar xhur Ellis għamel pressjoni fil-Parlament fuq proġett infrastrutturali, li għandu interess fih bil-moħbi, permezz tal-kumpanija tiegħu Gozo Concrete Products Ltd.
Il-ħaddiema li tkellmu mal-gazzetta spjegaw kif għalkemm huma jinsab mxebbgħin bis-sitwazzjoni, huma jinsabu fuq kuntratt definit ta’ xogħol għal tliet snin u Ellis rabathom li jekk itemmu dan il-kuntratt jistgħu jkunu obbligati li jħallsu penali.
Il-kumpanija tad-deputat tal-Partit li qrib elezzjoni qabdet taħarqu qalbu mill-ħaddiema, qed iċċaħħad lill-ħaddiema tagħha mhux biss mis-salarju ta’ Diċembru iżda wkoll mill-bonus ta’ €135 li jkopri l-perjodu minn Lulju sa Diċembru tas-sena li għaddiet.
Dan kellu jitħallas sa mhux iktar tard mill-aħħar ta’ dak ix-xahar.
“Fil-probation biss ma kellniex problemi, mill-bqija trid tittallab għal dak li hu tiegħek bi dritt,” kienet kwotata tgħid waħda mill-impjegati tal-kumpanija ta’ Ellis.
Il-KullĦadd kienet żvelat kif il-kumpanija ta’ Ellis qed tissupplixxi l-briks lill-kuntrattur ewlieni u hu mifhum li l-kumpanija ta’ Ellis għandha dejn ma’ diversi kuntratturi Għawdxin u qed taqta’ l-kontijiet tagħha billi tpartat b’materjali li tipproduċi, inkluż il-briks.
Skont is-sorsi tal-KullĦadd, il-kumpanija ta’ Ellis tat ħamsin elf briksa, b’valur ta’ ħamsin elf ewro, għall-bini ta’ żewġ toroq arterjali b’materjali li tipproduċi inkluż il-briks.
Meta mistoqsi dwar dan Ellis ma ċaħadx u stqarr li huwa ma kkritikax il-proġett.
Joe Ellis: “Qdejt dmiri bħala Parlamentari.”
Ġurnalist: “Imma ma taħsibx li hija xi ħaġa li tikkontradixxi lilha nnifisha li tikkritika proġett imbagħad tgawdi minnu fl-istess ħin.”
Joe Ellis: “Jiena ma kkritikajtx il-proġett.”
Madankollu, Joe Ellis kien staqsa fil-Parlament b’tali mod li għamel pressjoni sabiex jinfluwenza r-rata li bih jimxi x-xogħol fuq il-proġett.
Xi ħaġa li ddaħħal dubji serji jekk setax igawdi minnha hu jekk il-kuntrattur jixtri iżjed briks mingħandu b’riżultat li Ellis ikun abbuża mill-privileġġ parlamentari tiegħu.
“Sew qed jgħid il-Ministru, li l-Gvern miexi pass wara pass. Forsi jista’ jgħidilna l-Ministru kemm il-pass baqa’ biex titlesta t-triq minn Nadur għall-Imġarr?”