Il-ġimgħa li għaddiet Matthew Abela u Sam Cassar ivvjaġġaw lejn l-Ukrajna għal Ukraine International Challenge, biż-żewġ atleti b’mira ffukata fuq il-kwalifikazzjoni għal-Logħob tal-Commonwealth f’ Birmingham f’Lulju tal-2022 kif ukoll biex ikomplu jimxu ‘l quddiem fir-rankings dinjija.
Matthew Abela u Samuel Cassar it-tnejn ikkompetew fid-dixxiplina tas-Singles. Matthew kellu jaffronta s-superstar Franċiż C. Popov li jinsab 69 fid-dinja. Sam messu jilgħab D. Bosniuk tal-Ukrajna li jinsab fil-130 post fid-dinja, f’daru.
Sfortunatament mal-wasla fl-Ukrajna l-atleti ma setgħux jattendu sessjonijiet ta’ taħriġ minħabba d-dewmien biex jirċievu r-riżultati tal-Covid tagħhom u għalhekk kellhom jagħmlu xi taħriġ improvizzat fil-kamra tal-lukanda tagħhom.
Matthew kien l-ewwel li kellu jikkompeti u kien ħerqan li jittestja lilu nnifsu kontra plejer ta’ talent kbir u wieħed mill-favoriti li jirbaħ l-avveniment. Wara warm up tajjeb Matthew beda’ l-logħba: ftit punti bikrin għenu biex iħalluh jirrilassaw aktar fil-logħba, f’nofs l-ewwel logħba l-iskor kien 8-11. Matthew reġa’ beda jġib il-logħba lura għal 12-12 fejn baqa’ qrib ta’ Popov sakemm ftit net shots impreċiżi ġew ikkastigati minn Popov biex il-Franċiż jirbaħ l-ewwel game 21-17. It-tieni game rat bidu tajjeb ieħor għal Matthew li rnexxielu jieħu vantaġġ żgħir 5-4 qabel l-iskor inbidel għal 6-11. Popov wera tassew il-klassi tiegħu minn hawn ‘il quddiem u eventwalment rebaħ it-tieni game 21-8. In ġenerali, din il-prestazzjoni b’saħħitha ta’ Matthew kontra plejer ferm iktar stabilit turi li jista’ jlaħħaq ma’ dan il-livell ta’ plejers iżda issa jrid jaħdem biex jikseb dan il-livell b’mod konsistenti speċjalment f’dawn il-logħbiet aktar iebsa.
Sam kien imissu il-logħba li jmiss fuq l-istess court u ikkompeta għall-ewwel darba fil-main draw tal-livell International Challenge. Sam daħal għal din il-logħba mingħajr pressjoni jew aspettattivi u ħalla lilu nnifsu jesprimi ruħu kemm seta’. Sam lagħab tajjeb tul il-logħba kollha u seta’ jpoġġi lill-avversarju tiegħu taħt pressjoni diversi drabi. L-ewwel set tilef 15-21 fejn Sam qatta’ l-biċċa l-kbira tal-logħba jlaħħaq mal-avversarju tiegħu. Għalkemm kellu diversi azzjonijiet tajbin, qatt ma kien biżżejjed biex jilħaq lill-avversarju Ukren iżda kienet wirja tajba kontra plejer li jinsab ’il fuq minn 400 post ogħla fir-Rankings Dinjija. It-tieni set kien simili dak tal-ewwel u Sam tilef 10-21.
Il-Ukraine International Challenge kien l-ewwel avveniment ta’ Matthew u Sam minn skeda ta’ tournaments impenjattivi ħafna għall-2022. Bil-punti li ġew miksuba miż-żewġ plejers matul dan il-weekend Matthew żied 8 postijiet biex tela’ fil-215 fid-dinja u bit-tir li jidħol fl-aqwa 200 fil-ftit xhur li ġejjin, filwaqt li l-ewwel parteċipazzjoni ta’ Sam f’dan il-livell rawh jaqbeż 101 post u daħal fl-aqwa 500 u bħalissa qiegħed fl-467 post fid-dinja. Iż-żewġ plejers issa se jerġgħu lura għat-taħriġ iebes biex jaffaċjaw it-tournaments rispettivi li jmiss.