Il-Ħadd filgħodu, f’attività politika f’Tas-Sliema l-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech kompla bir-rettorika illi jekk ikun hu Prim Ministru u l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, il-Maltin jistgħu jkunu biss kburin li huma Maltin.
Lill-partitarji Nazzjonalisti qalhom li huwa kaptan ta’ dgħajsa.
Il-Kap Nazzjonalista tenna, “Nistgħu nwassluha fil-port, nistgħu nitilgħu l-art u nistgħu ngħidu lil din Malta, issa reġa’ għandek iċ-ċans illi tkun kburija għaliex ħa nneħħu t-tebgħa, it-tebgħa griża.”
Bernard Grech semma l-inkubu u lill-partitarji qabbilhom mal-qamħ.
Qal, “U llum il-qamħ qiegħed hawn u qed jiżdied.”
Bernard Grech qal kif pajjiżna jista’ jirnexxi biss bin-Nazzjonalisti.
Fejn stqarr, “Ser jirnexxi bin-Nazzjonalisti.”
F’diskors isteriku u negattiv, il-Kap tal-Oppożizzjoni attakka l-pakkett ta’ investiment fin-nies ta’ sebgħin miljun ewro li ħabbar il-Prim Ministru.
Grech qarraq u qal li l-Ministri ta’ żmien GonziPN ħadu ħames mitt ewro fix-xahar meta fil-fatt ħaduhom fil-ġimgħa.
Grech tenna, “Illi qabel l-elezzjoni tal-2013 jgħajjar lil minn ħa żieda ta’ €500 fix-xahar.”
F’Tas-Sliema, f’diskors ta’ kważi tliet kwarti, Bernard Grech beda jsemmi lil Eddie Fenech Adami u jitlob id-donazzjonijiet għall-partit, f’għeluq snin l-eks Prim Ministru.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni stqarr, “Imma ser nirringrazzjawh għaliex permezz tal-maratona nkunu qegħdin insaħħu lil dan il-vejikolu.”
Bernard Grech ma waqafx hemm.
Kompla, “Ħalluh jismakom.” “Eddie, Eddie, Eddie.”
Id-diskors ta’ Bernard Grech kompla jkun ankrat fil-passat u jitlob il-vot billi jsemmi t-tmeninijiet.
Grech fakkar billi qal, “Ejja nfakkrek fl-ewwel snin ta’ Gvern Nazzjonalista fis-1987, fl-ewwel snin ta’ Gvern Nazzjonalista fit-1998.”
Imbagħad l-attività, Bernard Grech spiċċaha bl-innu tal-Partit Nazzjonalista.