Inqas minn mitt jum bogħod għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Ispecial Olympics f’Malta bejn it-tlettax u t-tmintax ta’ Mejju, il-President ta’ Special Olympics Malta, Dr Lydia Abela ltaqgħet ma’ wħud mill-atleti Maltin li se jieħdu sehem f’dan l-avveniment ferm mistenni.
Madwar elf atleta b’diżabilità minn ħamsa u għoxrin pajjiż se jieħdu sehem f’sitt dixxiplini sportivi.
Dr Lydia Abela awgurat lill-atleti Maltin waqt li kienu għaddejjin bit-taħriġ għal din il-festa ta’ inklussività u rringrazzjat lill-kowċis u ġenituri tal-atleti li bl-impenn tagħhom qed ikomplu jħeġġu lit-tfal jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku sa miċ-ċokon biex ma jaqtgħu qalbhom qatt.
Waqt li kienet fil-kumpless sportiv tal-Marsa, akkumpanjata mid-Direttur Nazzjonali ta’ Special Olympics Malta, Anna Calleja, Dr Lydia Abela qalet li l-isport hu ċelebrazzjoni tal-abilitajiet differenti u tinsab fiduċjuża li l-logħob ta’ Mejju li ġej se jgħin biex ikollna soċjetà aktar inklussiva u jservu ta’ ispirazzjoni għal ħafna aktar nies biex huma wkoll jagħrfu l-benefiċċji tal-isport għas-saħħa fiżika u mentali.