Ġie inawgurat investiment ta’ aktar minn miljun ewro fil-Biċċerija fil-Marsa.
Dan jinkludi r-restawr tat-torri storiku tal-ilma, id-daħla tal-Biċċerija li tmur lura għall-aħħar snin tas-seklu dsatax u sistema ta’ pannelli fotovoltajċi.
Parti kbira minn dan l-investiment saret f’torri storiku tal-ilma, li huwa fost l-ewwel strutturi tal-konkrit f’pajjiżna.
Dan it-torri kien strumentali fl-operat tal-Biċċerija għal madwar ħamsin sena.
Ir-restawr fuqu sar wara li kien beda jiddeterjora u issa dan se jibda jintuża għall-ħażna ta’ ilma ppurifikat li jkun se jintuża fis-sistema ta’ tisħin tal-ilma fil-Biċċerija.
Ir-restawr sar taħt id-direzzjoni tal-Professur Ruben Paul Borg.
Borg stqarr, “Il-proġett huwa innovattiv, huwa bbażat fuq teknoloġiji ġodda. Żviluppajna materjali ġodda, dawk li ngħidulhom self-healing, huwa konkrit innovattiv illi bih irrestawrajna u saħħaħna dan it-torri uniku f’Malta. Huwa torri li nbena fis-snin tletin tas-seklu l-ieħor u li jitqies wirt uniku industrijali, wirt industrijali li jeħtieġ nagħtuh aktar valur.”
Id-Direttur Ġenerali tal-Biċċerija Stefan Cachia spjega l-importanza ta’ dan il-proġett.
Cachia stqarr, “Dan il-proġett qed jgħinna nagħtu futur ġdid lill-bidja lokali, futur ġdid illi tajna fis-sostenibilità, kif ukoll direzzjoni ta’ fejn għandu jimxi s-settur biex jibqa’ relevanti f’Malta tal-lum u f’Malta tal-futur.”
Il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo saħaq fuq l-importanza li dan il-wirt jiġi mħares u anke biex jitnaqqas l-impatt ambjentali.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministri José Herrera, Aaron Farrugia u Clifton Grima li tkellmu dwar l-importanza ta’ dan is-sit, li huwa wieħed sostennibli anki fil-ġlieda tat-tibdil fil-klima.