Ma jsemmix fejn żbalja, iġib skużi fuq li ma ħallasx eluf t’ewro f’taxxa, jgħid li Malta ma għandiex isem sabiħ u jiftaħar b’botti lejn Adrian Delia, li skontu hu għaqqad il-partit.
Fi kważi nofs siegħa intervista mal-Lovin Malta, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech infexx anki jattakka lill-Gvern wara li l-poplu u l-imsieħba soċjali rreaġixxew b’mod pożittiv għall-pakkett ta’ sebgħin miljun ewro t’investiment fin-nies.
Mistoqsi jekk għamilx xi żball, ma riedx isemmi wieħed.
Minflok Bernard Grech wieġeb, “Emmmmm…. ma nistax niddentifika.”
Fl-intervista, għal iktar minn darba, ried jgħid li hu aħjar minn Adrian Delia u saħansitra qal li jogħxa b’dak li jintqal mill-grupp parlamentari li għandu.
Il-Kap Nazzjonalista tenna, “Jien ili Kap ta’ dan il-partit sena u tliet xhur, qed naħdem b’ħilti kollha. Illum il-partit huwa f’sitwazzjoni ħafna aħjar, il-qagħda tiegħu, x-shape tiegħu.”
Żied jgħid, “Naħseb li llum qegħdin f’sitwazzjoni ħafna, ħafna, ħafna aħjar milli konna qabel. Jiġifieri llum il-partit anki llum diskussjonijiet fil-grupp parlamentari, togħxa.”
Fl-intervista, il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla bil-messaġġ sinonimu tiegħu, li Malta għandha isem ħażin u għalhekk irid isir Prim Ministru, biex itiha isem tajjeb.
Huwa qal, “Ħalli lill-poplu nippruvaw nikkonvinċuh jagħtina l-opportunità biex nerġgħu nimxu ħalli pajjiżna jieħu l-isem li jixraqlu.”