Ħamsa u sittin proġett minn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ibbenefikaw minn aktar minn mitt elf ewro, sabiex isaħħu l-ħidma tagħhom.
Dan permezz ta’ żewġ skemi differenti, l-iskema Assistance 4 You li ser tkun qed tgħin biex isiru 44 proġett li jibnu jew isaħħu organizazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-iskema Be Active li ser tipprovdi għajnuna finanzjarja lil 21 proġett.
Waqt l-għoti ta’ dawn il-fondi, il-Ministru għall-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli spjegat li skemi bħal dawn huma kruċjali sabiex l-għaqdiet volontarji, speċjalment dawk li jinvolvu ż-żgħażagħ, ikomplu jkunu ispirati biex jaħdmu għaż-żgħażagħ.
Il-Ministru Farrugia Portelli tenniet, “Din hija turija ċara li l-Gvern verament jemmen fiż-żgħażagħ, u mhux biss fihom imma anke fl-istrateġija li nedejna s-sena li għaddiet, u b’hekk se nkunu qed naraw li ħamsa u sittin NGO taż-żgħażagħ se jkunu qed jieħdu mitt elf ewro bejniethom fi proġetti tanġibbli li se nkunu qed naraw fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.”
Intant, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Theuma sostniet li dawn l-iskemi jgħinu wkoll biex iż-żgħażagħ ikunu aktar esposti għal skemi oħra, fejn ikunu jistgħu jibbenifikaw minn aktar fondi.
Spjegat ukoll li dawn l-għaqdiet għandhom benefiċċji kbar għaż-żgħażagħ tul ħajjithom.
Theuma saħqet, “L-idea hi li Aġenzija Żgħażagħ tagħti sapport lill-għaqdiet taż-żgħażagħ biex b’hekk is-soċjetà ċivili u ż-żgħażagħ inkomplu nisimgħu il-vuċi tagħhom u jkomplu jagħtu u jieħdu azzjoni fis-soċjetà.”
ONE News tkellem ma’ Gabby Vella, minn Duke of Edinburgh Award, waħda mill-għaqdiet li bbenifikat minn dawn il-fondi, li spjegat kif dawn huma ta’ għajnuna kbira għal din l-għaqda.
Vella qalet, “Se nixtru ħafna affarjiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tagħmir. Aħna nieħdu ħsieb id-Duke of Edinburgh Award u t-tfal tagħna joħorġu fuq ħafna expeditions, u se nkunu nistgħu nixtru tagħmir biex ngħinu liż-żgħażagħ li ma jistawx jaffordjaw jixtruhom huma.”