Ħaddiema tas-salvataġġ għadhom għaddejjin bi tfittxija intensiva biex jaslu għal ħdejn tifel ta’ ħames snin li t-Tlieta li għadda, waqa’ ġo bir viċin il-belt ta’ Chefchaouen fil-Marokk.
It-tifel, li ġie identifikat mill-midja Marokkina bħala Rayan, kien qed jilgħab ħdejn il-bir fil-villaġġ ta’ Tamorot, mal-mitt kilometru bogħod minn Chefchaouen.
Huwa mifhum li ċ-ċkejken waqa’ għoli ta’ madwar tnejn u tletin metru.
Wara jiem ta’ tħaffir, jonqos biss madwar tliet metri oħra iżda qed jingħad li l-ħamrija qed tpoġġi sfidi kbar biex jaslu għat-tifel.
Filmati minn kamera li tniżżlet fil-bir juru li Rayan għadu ħaj u konxju, minkejja li sofra xi ġrieħi minuri f’rasu.
Il-ħaddiema ta’ salvataġġ irnexxielhom iniżżlu maskra tal-ossiġnu, ikel u ilma fil-bir, filwaqt li tim mediku qiegħed fuq il-post lest biex jagħti l-ewwel għajnuna lit-tifel.
Eluf ta’ persuni qed isegwu l-filmati tas-salvataġġ fuq il-midja soċjali.
L-istilla tal-futbol Alġerin, Riyad Mahrez kiteb messsaġġ ta’ sapport u ħeġġeġ lit-tifel biex jibqa’ b’saħħtu.