Għoxrin elf student f’72 skola primarja f’Malta u f’Għawdex se jkunu parti minn programm ta’ attività fiżika fosthom fid-dixxiplina tal-futbol bl-isem Fun Fit Football.
Dan il-proġett se jsir kull nhar ta’ Ġimgħa f’Active Fridays.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima fil-grawnd tal-futbol ta’ Ħal Lija, li jinsab biswit l-iskola primarja tal-istess raħal.
Dan il-proġett, li huwa ffinanzjat mill-UEFA flimkien bl-għajnuna tal-Gvern qed isir b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Futbol, l-MFA.
Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo saħaq dwar il-bżonn tal-attività fiżika għal studenti żgħar filwaqt li spjega kif b’dan il-programm, it-tfal jibdew jitħarġu f’dixxiplina sportiva.
Vassallo tenna, “Huma dawn il-programmi biss li jgħinuna nibdew biex għada pit għada fl-isport, fil-pathway sportiva dawn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiġu hemmhekk u jitħarrġu, kemm aktar preparati minn dak illi forsi kienu fil-passat.”
Ivan Woods, li jmexxi l-iżvilupp fost it-tfal, qal li dan il-programm se jkun qed isir minn kowċis speċjalizzati.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport qed ikompli bil-ħidma tiegħu biex iżid l-attività fiżika fl-iskejjel, kemm bħala parti mill-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Isport u wkoll biex jikkumbatti r-rata għolja ta’ obeżità fit-tfal.
Il-Ministru Grima tenna kif l-attività fiżika tgħin f’kull aspett fl-iżvilupp tat-tfal.
Grima stqarr, “Dan għandu jkun ta’ eżempju għal numru ta’ assoċjazzjonijiet oħra, numru ta’ federazzjonijiet oħra illi jersqu lejn is-sistema edukattiva tagħna u flimkien naraw li nagħtu esperjenza edukattiva ħolistika lit-tfal tagħna, fejn propju jkollna attività fiżika ġol-iskejjel tagħna li minnha jibbenefikaw it-tfal kemm fuq l-aspett fiżiku, fuq l-aspett mentali u fuq l-aspett ta’ dak li huwa vżilupp sħiħ tal-persuna.”