Il-Maġistrat li bħalissa qed tisma’ l-każ fi stadju ta’ kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Vince Muscat il-‘Koħħu’ ddeċidiet li hija l-Qorti Kriminali li trid tiddeċiedi dwar l-ammissibilità tax-xhieda ta’ Darren Debono magħruf bħala ‘t-Topo’.
Il-każ jitratta l-attentat ta’ serqa mill-kwartieri ġenerali tal-bank HSBC lura fl-2010.
Din il-kwistjoni dwar l-ammissibilità tax-xhieda ta’ Debono qamet wara li d-Difiża ta’ Vince Muscat qed targumenta li Debono ma jistax jixhed fil-kawża minħabba li fil-passat kien gideb taħt ġurament u għalhekk ikkommetta sperġur.
Dan filwaqt li tqajmu wkoll l-argumenti li x-xhud ma kienx instema’ fil-kumpilazzjoni tal-evidenza u li b’hekk l-Avukati ma kellhomx l-opportunità li jisimgħu dak li kellu xi jgħid u tipprepara d-Difiża.
Il-Maġistrat Monica Vella ddeċidiet li din id-deċiżjoni dwar l-ammissibilità ta’ Debono bħala xhud tmur lil hinn mill-poteri mogħtija lill-Qorti tal-Maġistrati ppreseduta minnha u li ngħatat il-poter biex tisma’ l-kumpilazzjoni mill-Qorti Kriminali.
Debono ingħata sentenza ta’ għaxar snin u nofs priġunerija b’rabta mal-istess każ u twaqqgħet l-akkuża ta’ attentat ta’ omiċidju li kienet qed tinġieb fil-konfront tiegħu.
Dan sabiex Debono jixhed kontra Vicent Muscat il-Koħħu dwar l-istess każ.