Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se jkun qed jitqassam iċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa biż-żieda mħabbra fil-Budget għall-2022.
Dan flimkien ma’ ċekk ieħor separat biex tkompli tiġi stimulata l-ekonomija ta’ pajjiżna filwaqt li dan ikompli jsostni lill-familji Maltin u Għawdxin fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Dan b’investiment totali massiċċ ta’ €70 miljun fil-bwiet tan-nies.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana f’Marsaxlokk, Dr Abela spjega kif miż-żieda fiċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa se jkunu qed jgawdu mal-kwart ta’ miljun ħaddiem Malti u Għawdxi.
Għal dawk il-ħaddiema li t-taxxa tinqatalhom b’komputazzjoni singola, iċ-ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa żdied minn massimu ta’ €80 fl-2021 għal massimu ta’ €125 fl-2022.
Għal dawk il-ħaddiema b’komputazzjoni miżżewġa din iċ-ċifra telgħet għal massimu ta’ €140 minn €95 li kienet is-sena l-oħra.
Dan filwaqt li għal dawk il-ħaddiema li t-taxxa tad-dħul tinqatalhom bħala ġenituri, iċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa żdied minn massimu ta’ €90 għal massimu ta’ €135.
Intant iċ-ċekk addizzjonali se jkunu qed jirċevuh mat-380,000 persuna.
Fil-fatt, pensjonanti u persuni fuq benefiċċji soċjali se jkunu qed jirċievu ċekk ta’ €200. Dan filwaqt li ħaddiema u studenti se jkunu qed jirċievu ċekk ta’ €100. Din l-injezzjoni ekonomika ta’ rkupru mill-pandemija hija ekwivalenti daqs il-vouchers tal-€100 li kien ta l-Gvern waqt pandemija.
Il-Prim Ministru stqarr, “Din hija inizjattiva mnebbħa minn prinċipju wieħed. Dan se jibqa’ l-Gvern tal-inċentiv u mhux il-Gvern tal-kastig u kif kont għidtilkom malli ħarġu l-vouchers malli tirċievu dawn iċ-ċekkijiet sarrfuhom u gawduhom mal-familji tagħkom.”
B’rabta ma’ din l-aħbar mill-Gvern, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-mument li ninsabu fih huwa wieħed sabiħ u importanti ħafna biex insostnu l-irkupru ekonmiku.
Fakkar kif fl-aħħar sentejn il-Gvern ħa miżuri kbar biex isalva l-ekonomija u b’hekk fost oħrajn l-impjiegi u n-negozi f’pajjiżna.
Dan b’miżuri bħal dik tal-Covid Wage Supplement.
B’riżultat ta’ dan, il-Prim Ministru rrimarka li llum pajjiżna għandu l-anqas rata ta’ qgħad fl-istorja tiegħu.
B’rabta mal-inflazzjoni li qed tesperjenza d-dinja kollha, il-Prim Ministru rrimarka kif Malta ma ratx żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil, grazzi għall-interventi tal-Gvern.
Abela tenna, “Li kieku ma intervjenejniex bħala Gvern bejn żieda fil-prezzijiet tal-elettriku u żieda fil-prezzijiet tal-fjuwils kull familja f’pajjiżna kienet ikollha żieda ta’ €500 fis-sena. Dik hija r-realtà. €500 żieda fil-prezz tal-enerġija, fil-prezz tad-dawl u fil-prezz tal-fjuwils kieku aħna bħala Gvern ma intervjenejniex u ma tajniex l-appoġġ u erfajna dik iż-żieda aħna.”
Il-Prim Ministru rrimarka l-importanza ta’ dawn il-miżuri mwessgħin u ġodda li qed iniedi l-Gvern illum biex il-poplu Malti jkun fost l-aktar mgħejjun u bi kwalità ta’ ħajja tajba fl-Ewropa u fid-dinja.
Minn naħa tiegħu l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana spjega li minkejja l-previżjonijiet li s-sena li għaddiet tagħlaq b’defiċit ta’ 11.1%, issa dan mistenni jinżel għal 8.1%.
B’hekk dan il-marġinu ta’ biżżejjed spazju lill-Gvern jantiċipa sfidi ġodda bħaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils.
Il-Ministru Caruana rrimarka wkoll li dan kollu jista’ jsir għaliex il-finanzi tal-pajjiż jippermettu li dan isir u b’hekk din l-aħbar hija xhieda oħra ta’ kemm l-ekonomija Maltija hija waħda reżiljenti u b’saħħitha.
Huwa spjega wkoll li għaddejja ġmielha l-ħidma mal-imsieħba soċjali dwar il-mekkaniżmu rivedut dwar il-kumpens għall-għoli tal-ħajja.
Il-Ministru Caruana, “Preżentajnielhom dokument tekniku ħalli nifhmu fejn irridu mmorru. Kienet laqgħa li damet 3 sigħat, kienet laqgħa tajba ħafna fejn issa kulħadd ħa jmur jagħmel xogħlu ħalli fl-aħħar ta’ Marzu nieħdu l-proposta ta’ kull organizzazzjoni u naslu għal xi forma ta’ kompromess sabiex ikun hemm mekkaniżmu addizjonali li jikkumpensa lin-nies meta jkun hemm bżonn il-ħtieġa.”