Is-sena l-oħra rat żieda sostanzjali ta’ persuni b’diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol.
Fil-fatt ċifri f’idejn ONE News juru kif is-sena li għaddiet tliet elef, tliet mija u erbgħa u tletin persuna b’abbilitajiet differenti kienu jaħdmu fuq bażi full time, filwaqt li elf u sebgħa u ħamsin kellhom xogħol part-time.
Dan ifisser li meta mqabbel mas-sena elfejn u għoxrin, in-numru żdied b’erba’ mija u dsatax-il persuna.
Iċ-ċifri juru żieda pożittiva wkoll mis-sena elfejn u ħmistax, hekk kif kien hemm elfejn u tlieta u sebgħin persuna b’diżabilità li sabet xogħol.
L-elfejn u sbatax kienet l-aktar sena li rat żieda, hekk kif sitt mija u disgħa u erbgħin persuna b’diżabilità daħlu fid-dinja tax-xogħol.
Fis-sena msemmija kien hemm kważi tlett elf u ħames mitt persuna b’diżabilità taħdem, bis-sena 2020 rat numru konsiderevolu ta’ persuni b’diżabilità jaħdmu.
B’kollox fis-sena li faqqgħet il-pandemija kien hemm qrib l-erbat elef persuna b’diżabilità tikkontribwixxi fl-ekonomija Maltija.
Kollox juri li l-fatt li l-persuni b’diżabilità jibdew jaħdmu, qed iħalli impatt ferm pożittiv fuqhom, kemm minn aspett soċjali u anke dak fiżiku.
Dan ikkonfermatu Doreen Cutrona, Direttur Maniġerjali ta’ kumpanija, li magħha tħaddem żewġ persuni b’abbiltajiet differenti.
Ma’ ONE News, anke waqt li segwejna ftit mill-ħidma li jwettqu, hija spjegat kif maż-żmien rat progress fihom.
Qalet, “Aħna nagħtu opportunità lil dawn il-persuni b’abbilitajiet differenti, bħalissa għandna tnejn u wieħed minnhom ilu magħna sena u nofs u minn kif ġie sal-lum il-progress deher ċar, integra ħafna u tgħallem skills differenti u jagħmel kull tip ta’ xogħol kważi.”
Cutrona appellat ukoll lill-kumpaniji oħra sabiex jagħmlu l-istess.
Intant, il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli qalet kif il-Gvern ma waqafx jinvesti fil-qasam tad-diżabilità, anke sabiex huma wkoll isibu opportunitajiet f’ħajjithom.
Spjegat, “Il-Gvern ra li tul dawn l-aħħar snin ikompli jinċentiva mhux biss lil min iħaddem li jtih rati favorevoli meta iħaddem miegħu persuni li għandhom abbilitajiet differenti imma wkoll il-benefiċċju soċjali li jingħata lill-persuni b’diżabilità xorta waħda jekk dawn isibu mpjieg. L-iskemi li aħna ħloqna anke matul is-sena li għaddiet fejn numru ta’ grants qed jingħataw lill-intrapriżi li jkollhom bżonn li taġġusta l-post tax-xogħol għall-persuni b’diżabilità.”