Id-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis kien skomdu għall-aħħar meta staqsejnih barra l-Parlament dwar dak żvelat mill-gazzetta Kullħadd, fuq kunflitt li għandu, li jikkritika proġetti ta’ toroq f’Għawdex, li imbagħad qed jiggwadanja minnhom hu.
Dan hekk kif il-kumpanija tiegħu issupplixxiet materjal ta’ kostruzzjoni lill-kuntrattur ewlieni inkarigat minn proġetti tal-Gvern f’toroq f’Għajnsielem u limiti tan-Nadur.
Barra l-Parlament: Ġurnalist, “Illejla t-tajba onorevoli, kemm nistaqsik żewġ mistoqsijiet.”
Joe Ellis, “Jiddispjaċini għandi appuntament.”
Ġurnalist, “Kif tista’ tikkritika proġett u tgawdi minnu fl-istess ħin.”
Joe Ellis ma jweġibx.
Ġurnalist, “Nassumi li taf għalxiex qed nirreferi. M’għandekx risposta?”
Il-gazzetta KullĦadd kienet qalet li l-kumpanija ta’ Ellis mhux imniżżla bħala kuntrattur u lanqas sub-contractor tal-proġett u b’hekk il-provvista ta’ materjali qed issir bil-moħbi.
Sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu li l-kumpanija ta’ Ellis qed tissupplixxi l-briks lill-kuntrattur ewlieni u hu mifhum li l-kumpanija ta’ Ellis għandha dejn ma’ diversi kuntratturi Għawdxin u qed taqta’ l-kontijiet tagħha billi tpartat b’materjali li tipproduċi, inkluż il-briks.
Skont is-sorsi tal-KullĦadd, il-kumpanija ta’ Ellis tat ħamsin elf briksa, b’valur ta’ ħamsin elf ewro, għall-bini ta’ żewġ toroq arterjali fil-limiti t’Għajnsielem u n-Nadur.
Fix-xhur li għaddew, fil-Parlament Ellis staqsa fuq l-andament tal-proġett.
Ellis stqarr, “Sew qed jgħid il-Ministru, li l-Gvern miexi pass wara pass. Forsi jista’ jgħidilna l-Ministru kemm il-pass baqa’ biex titlesta’ t-triq minn Nadur għall-Imġarr?”
Mistoqsi dwar il-fatt li fil-Parlament tkellem kif tkellem fuq il-proġett li għandu interessi personali dwaru, Ellis qal li qeda dmiru.
Joe Ellis, “Qdejt dmiri bħala Parlamentari.”
Ġurnalist, “Imma ma taħsibx li hija xi ħaġa li tikkontradixxi lilha nnifisha li tikkritika proġett imbagħad tgawdi minnu fl-istess ħin.”
Joe Ellis, “Jiena ma kkritikajtx il-proġett.”
Evidentament skomdu, Ellis ma ċaħadx lanqas dak miktub dwaru, jiġifieri l-kunflitti li għandu.
Ġurnalist, “Dak li ġie miktub tiċħdu jew le?”
Joe Ellis, “Jiena, jiena, jiena, jiena nerġa’ ngħid ma kritikajtx il-proġett.”
Dan filwaqt li l-Kap Bernard Grech iddefenda l-aġir t’Ellis, avukat ukoll tal-għaqda Repubblika u qalilna li xogħol Ellis huwa li jikkritika.
Ġurnalist, “Komdu int imma b’Deputat li jikkritika proġett u fl-istess ħin ikollu interess fih?”
Il-Kap Nazzjonalista wieġeb hekk, “Xogħlu huwa li jikkritika, xogħlu huwa li jikkritika u dak li mhux aċċettabbli nibqgħu nikkritikawh.”