Għat-tieni sena konsekuttiva l-Gvern reġa’ nieda l-iskema “Xjenza u Innovazzjoni fil-Komunità” għall-għaqdiet volontarji u dawk mhux governattivi. Dan b’allokazzjoni ta’ €150,000.
Alastair Borg, id-Direttur tal-Istrataġeija u s-Sapport fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni spjega kif il-Gvern wasal għal din id-deċiżjoni wara s-suċċess li kellha din l-istess skema s-sena li għaddiet hekk kif imtlew l-applikazzjonijiet u kollha u saret allokazzjoni ta’ kważi €167,000.
Huwa elenka wħud mill-applikazzjonijiet li gawdew minn din l-allokazzjoni finanzjarja biex b’hekk ġew xprunati aktar proġetti ta’ xjenza u teknoloġija.
Borg tenna, “Kien hemm ħafna proġett interessanti bħal pereżempju sistemi diġitali ta’ ħruq ta’ piroteknika, sistemi sinkronizzati tal-qniepen, dwal artistiċi ġol parroċċi, sistemi ta’ recordings għall-għaqdiet mużikali u allura nħossu li din is-sena wkoll din l-iskema tista’ tkompli tgħin għaqdiet fi proġetti innovattivi u ta’ teknoloġija.”
Il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici rrimarka kif b’din l-iskema, il-Gvern qed juri bil-fatti li jrid il-progress fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Dan b’riżultat li permezz ta’ din iż-żerriegħa li qed tinżera llum, għada pit għada pajjiżna jkollu nies mill-aqwa nies f’oqsma emerġenti.
Il-Ministru stqarr, “L-aqwa mod kif din tinżel għand il-familji huwa bl-għaqdeit volontarji u għalhekk ħriġna din l-iskema biex għal sena oħra ngħinu l-għaqdiet volontarji u t-tieni nett nibgħatu messaġġ b’saħħtu ta’ kemm ix-xjenza u l-innovazzjoni tagħmel differenza u biex inħajru aktar studenti u tfal biex jidħlu fid-dinja tax-xjenzi għax nemmnu li l-futur tal-pajjiż huwa marbut ma’ suċċess fil-qasam tar-riċerkja u l-innovazzjoni.”