Judith Dingli twieldet il-Mosta fit-18 ta’ Ottubru 1967. Minn mindu kienet żgħira l-arti dejjem kienet ġo fiha. L-ispirazzjoni lejn l-arti ġiet ukoll minn missierha li kien induratur.
Minn età żgħira ħadet sehem f’diversi kompetizzjonijiet. L-akbar sodisfazzjon tagħha kien meta ħadet sehem f’kompetizzjoni fil-Filandja, flimkien ma’ 57 parteċipant minn pajjiżi differenti u rebħet il-medalja tad-deheb u diploma fl-arti.
Judith kompliet l-istudji tagħha billi attendiet diversi korsijiet fl-MCAST u l-Malta Society of Arts il-Belt Valletta fejn għadha tattendi s’issa. Studjat ukoll ma’ diversi artisti lokali. Judith tesprimi ruħha b’diversi materiali, water colours, lapes, charcoal, pinna, impasto, zejt u acrylic.
Judith hija artista versatili. L-akbar passjoni tagħha hi l-pittura semi-astratta. Matul is-snin ħadet sehem f’diversi esebizzjonijiet kollettivi kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Fl-2018 tellgħet l-ewwel esebizzjoni weħidha. Issa ħasset li kien reġa’ wasal iż-żmien li terġa’ ttela’ esebizzjoni weħidha.
L-esebizzjoni bl-isem ta’ Ġuditta hija l-wirja mtella’ minn Judith Dingli. Min hi Ġuditta? Ġuditta hi l-artista stess, il-ħajja tagħha bit-tlugħ u l-inżul tagħha. F’din l-esebizzjoni se naraw diversi kwadri b’mediums, b’materiali u stili differenti. Uċuh espressivi ħafna, b’messaġġ qawwi u profond.
Din il-wirja se titella’ fir-Razzett tal-Markiż il-Mosta bejn il-5 u t-13 ta’ Frar 2022. Il-ħinijiet huma mit-Tnejn sal-Ħadd mis-6.00pm sat-8.30pm. Fil-Ħdud u Festi Pubbliċi miftuħin ukoll mid-9.00am sa nofsinhar.