“Irrid nagħti aktar vuċi lit-tfal.”
Iddikjarat dan is-Sinjura Antoinette Vassallo, li nħatret bħala l-Kummissarju ġdid għat-Tfal f’pajjiżna.
Fl-ewwel intervista ma’ dan l-istazzjon, Vassallo qalet li f’dan l-irwol kruċjali hija ser tkun qed tagħti prijorità assoluta, sabiex taċċerta li t-tfal f’pajjiżna jgħixu f’ambjent fejn ikunu jistgħu jesprimu dak li jħossu.”
“L-aktar ħaġa li jiena rrid nisħaq fuqha hija li t-tfal iridu jkompli jingħatalhom vuċi, għaliex illum is-soċjetà hija dik li hi, hemm ħafna realtajiet ġodda u li sfortunatament jikkonċernaw lit-tfal ukoll. Nemmen li t-tfal allura għandna nisimgħuhom, għandna nagħtuhom iċ-ċans li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u jgħidu dak li jħossu.”
Vassallo, li għandha esperjenza twila fil-qasam tal-familja u tfal, fost l-oħrajn kienet Chairperson tal-bord li kien joħroġ l-ordnijiet tal-ħarsien.
Hija serviet ukoll bħala Sindku ta’ Ta’ Xbiex.
Ma’ ONE News Antoinette Vassallo qalet kif bla dubju lit-tfal irridu nagħtuhom id-drittijiet meħtieġa fil-ħajja ta’ kuljum.
“Naturalment it-tfal irridu nagħtuhom id-dinjità tagħhom, irridu nagħtuhom id-drittijiet tagħhom u anke sens ta’ ugwaljanza u l-affarijiet kollha li jeħtieġu fil-ħajja tagħhom bħala tfal.”
Intant, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal spjega kif il-Gvern investa bis-sħiħ sabiex jipproġeti lit-tfal.
“Nieħu pjaċir nirrimarka li meta telgħet il-ħatra ta’ Mrs Vassallo quddiem il-Kumitat Parlamentari ġiet approvata b’mod unanimu. Dak juri wkoll iċ-ċertu qbil fejn jidħlu l-ħarsien tat-tfal miż-żewġ naħat u l-Gvern kollu kemm hu. Li nagħtu vuċi lit-tfal hija xi ħaġa li nemmnu fiha, dan l-aħħar erba’ snin għamilna ħafna fejn ħarisna lit-tfal u tajnihom aktar drittijiet, iżda bla dubju baqa’ aktar dejjem x’tagħmel.”
Antoinette Vassallo ser tkun qed tieħu post is-Sinjura Pauline Miceli.