Fix-xhur li ġejjin iċ-Ċentru Miftuħ tal-Immigranti fil-Marsa se jkun qed jingħalaq darba għal dejjem.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri, fejn qal li permezz tal-għeluq taċ-ċentru, mhu se jintefa l-ebda piż fuq lokalitajiet oħra.
Din hija wegħda elettorali ta’ Gvern Laburista u anke wegħda tal-aħħar Budget, fejn kien wiegħed li sa nofs din is-sena jingħalaq dan iċ-ċentru.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Ministru Byron Camilleri qal kif bdiet ħidma sabiex bdew jitwaqqgħu strutturi antiki u ntqal kif għaddejja ħidma ma’ entitajiet oħra sabiex dan il-post jinżamm f’kundizzjoni aħjar milli hu.
Il-Ministru Camilleri tenna, “Matul l-aħħar xhur ħadna numru ta’ deċiżjonijiet, tant li llum fadal ftit persuni, li ħafna minnhom huma nisa u tfal illi għadhom jgħixu ġewwa dan iċ-ċentru. U hekk kif wegħdna fl-aħħar Budget sa ftit tax-xhur oħra, dan iċ-ċentru ser ikun magħluq. Ħadd aktar persuni illi jkunu jgħixu hemmhekk, mingħajr anke ma nitfgħu piż fuq lokalitajiet oħra jew fuq żoni oħrajn.”
Il-Ministru għall-Intern saħaq li hekk kif dan il-post se jkun qed jingħalaq se jkun qed jingħata lura lill-Marsin f’qagħda ħafna aħjar milli hi hekk kif iż-żona se tkun rijabilitata.
Camilleri stqarr, “Fl-aħħar jiem issa beda x-xogħol anke fuq ċertu strutturi, illi matul is-snin kienu vvandalizzati jew inkella anke strutturi li mhumiex posthom hemmhekk. Qed naħdmu id f’id flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Marsa għaliex l-għan tagħna huwa illi dan il-post jerġa’ jingħata lura lill-Marsin, bi qbil u anke bi sħab mal-Kunsill Lokali tal-Marsa. Fuq il-post infurmat li hemm it-tram l-antik illi issa ħa jkun qed jinkixef la darba jaqgħu dawn l-istrutturi u nfurmat ukoll illi hemm il-ħsieb illi dan it-tram ikun irrestawrat sabiex ikun jista’ jitgawda mill-poplu Malti u Għawdxi.”