Tnediet l-edizzjoni tal-Logħob għall-Pajjiżi ż-Żgħar Ewropej li se ssir f’pajjiżna s-sena d-dieħla.
Tmien dixxiplini, disa’ pajjiżi u madwar elf atleta ser jikkompetu f’pajjiżna bejn it-28 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju.
L-għaxar dixxiplini huma l-atletika, l-basketball, il-judo, ir-rugby 7s, l-ibburdjar, l-isparar, l-isquash, l-għawm, it-tennis u t-table tennis.
It-tmien pajjiżi li ser jikkompetu ma’ Malta huma il-Montenegro, l-Iżlanda, San Marino, il-Lussemburgu, Andorra, Monaco u Liechtenstein.
Il-Logħob bdew fl-1985 ġewwa San Marino u għat-tielet darba Malta se tilqa’ dan l-avveniment sportiv prestiġjuż wara li għamlet dan fl-1993 u fl-2003.
Matul it-tnedija mill-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, ingħatat ħarsa lejn l-istorja ta’ dan il-Logħob kif ukoll ingħata ġieħ lil kull dixxiplina filwaqt li saru kollegamenti ma’ rappreżentanti ta’ pajjiżi li ser jiġu f’Malta għal dawn il-Logħob.
Hawnhekk spikkat il-preżenza mhux biss tal-atleti Maltin li mistennija jirrappreżentaw lil pajjiża fl-edizzjoni tas-sena d-dieħla iżda kif ukoll il-preżenza atleti li kkompetew f’edizzjonijiet passati.
F’messaġġ li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva l-Logħob bħala ċelebrazzjoni ta’ talent kif ukoll innota l-investiment rekord li sar fl-atleti Maltin filwaqt li awgura kull suċċess għal pajjiżna.
Fil-fatt għal din l-edizzjoni diġà sar investiment dirett fl-atleti Maltin sabiex mhux biss ikunu protagonisti f’dawn il-Logħob iżda jġibu riżultati xierqa kif stqarr magħna l-Ministru responsabbli mill-isport, Clifton Grima.
“Permezz tal-investiment illi sar fl-atleti ikollna avveniment ġewwa pajjiżna li jkun ta’ suċċess, avveniment illi jibqa’ mfakkar mill-ġenerazzjonijiet futuri għas-suċċess illi kien u anka għar-rekord ta’ riżultati sportivi li ħa niksbu propju mill-atleti Maltin.”
Il-President tal-Kumitat Organizzattiv ta’ dawn il-Logħob, Mark Cutajar innota l-ħidma li diġà saret bi preparazzjoni għal dawn il-Logħob, iżda spjega dak li fadal isir fiż-żmien li ġej sal-bidu tal-ewwel attività sportiva.
“Ovvjament għad jonqos ħafna xogħol ieħor, illum jiltaqa’ għall-ewwel darba ukoll il-Kumitat Organizzattiv li minnu ħa jkun hemm sotto-kumitati differenti li ħa jibdew jilħqu l-miri sabiex fid-29 ta’ Mejju tas-sena d-dieħla jkun kollox preparat għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.”