Peter Agius li b’ħafna pompa nħatar ‘chief spokesperson’ tal-Partit Nazzjonalista u tmien xhur biss wara dabbar lura lejn Brussell, ilu ma jersaq lejn id-Dar Ċentrali.
ONE News ċempel id-Dar Ċentrali wara r-rapport tal-Maltatoday u staqsa għal Peter Agius, daqs li kieku ried ikellmu, peress li kien il-kelliem f’isem il-Kap Bernard Grech iżda r-receptionist tal-istamperija li qabadna, ikkonferma li Agius ilu ma jidher b’nemes fid-Dar Ċentrali.
Receptionist Dar Ċentrali: “Good afternoon Dar Ċentrali.”
Ġurnalist: “Hello għal Peter Agius pls.”
Receptionist Dar Ċentrali: “Peter Agius mhux qiegħed hawn bħalissa.”
Ġurnalist: “Qaluli biex inċempel hemmhekk jiena, minħabba missieri.”
Receptionist Dar Ċentrali: “Peter mhux qiegħed hawn imma.”
Ġurnalist: “Meta jkun hemm?”
Receptionist Dar Ċentrali: “Ili ma narah bil-Malti, jista’ jkun qiegħed Brussell.”
Mid-Dar Ċentrali kkonfermawlna li Peter Agius ilu li dabbar rasu.
Receptionist Dar Ċentrali: “Jien ilni ma narah.”
Meta staqsejna għal iktar minn darba għal Peter Agius, bqajna nieħdu l-istess tweġiba, li Peter Agius dabbar rasu.
Ġurnalist: “Jiġifieri hu mhux qed ikun hemmhekk.”
Receptionist Dar Ċentrali: “Jien ilni ma narah hawn.”
Is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali kienu ilhom jindikaw li ġara xi ħaġa stramba għax Agius ftit li xejn kien qiegħed jidher ’l hemm.
Sal-lum, li m’għadux ‘chief spokesperson’ ma tħabbret imkien anke jekk meta sar, il-Partit Nazzjonalista imbotta l-aħbar kullimkien bħala waħda strateġika.
Mal-Maltatoday Peter Agius ġab ħafna skużi u diskors ta’ kif fost oħrajn spiċċalu l-leave u se jibqa’ jħabbat il-bibien għall-Partit Nazzjonalista iżda s-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali spjegawlna li t-tluq ta’ Peter Agius imur lil hinn minn hekk.
Hemm min hu mgħarraf sew u sostna li hu wkoll riżultat ta’ kunflitti li setgħu nqalgħu.
Is-sorsi wkoll fakkruna kif meta Agius nħatar, dan sar b’pompa kbira u ntqal li fl-irwol li ngħata kien se jiġbed lejn il-Partit Nazzjonalista votanti ġodda.
Agius stess kiteb: “Bernard Grech sejjaħli u jien għedt IVA.”
Peter Agius kontinwament kien qed imexxi konferenzi tal-aħbarijiet sakemm f’daqqa waħda kważi sparixxa.
Jirriżulta li Peter Agius, li mar lura fis-servizzi tal-librerija tal-Parlament Ewropew, talab li kollox isir bil-kwiet għax hu jrid jikkontesta għall-Parlament Ewropew u ma xtaqx juri wisq li nqalgħu l-intoppi fl-irwol li suppost kellu jwasslu sal-elezzjoni ġenerali.
“Lanqas sena ma wassal u Alla jbierek telaq meta ma baqax iktar minn erba’ xhur għal kampanja elettorali. Ma kienx jaf qabel kemm kellu bżonn leave?!” spjegaw is-sorsi tagħna.
Il-Maltatoday qajmet punti oħra fl-artiklu tagħha meta qalet li l-irwol ta’ Agius seta’ kien qed joħloq kunflitt ma’ diversi deputati li kien qed jidher hu minn flokhom, xi ħaġa li wkoll kienet qed tissemma ħafna.
Intant fuq facebook Peter Agius ikkonferma li telaq imma qal li se jibqa’ kelliem.
Fost nies oħra li telqu mill-Partit Nazzjonalista hemm Alessandro Farrugia, li wara li kkampanja biex Grech isir Kap, telaq mill-impjieg strateġiku li kellu fid-Dar Ċentrali.
Fit-telefonata mad-Dar Ċentrali, ir-receptionist assigurana li qed jgħid is-sew, li Peter Agius ilu ma jkun l-istamperija.
Ġurnalist: “Jiġifieri mhemmx xi ċans li tipprova tgħaddini miegħu.”
Receptionist Dar Ċentrali: “Mhux qiegħed hawn.”
Ġurnalist: “Eh sorry għax ħsibt li qiegħed hemm, skużani ħsibtu qiegħed meeting jew hekk.”
Receptionist Dar Ċentrali: “Le le le kieku qiegħed meeting kont ngħidlek qiegħed meeting.”
Ġurnalist: “Eh orrajt.”
Receptionist Dar Ċentrali: “Inħobb inkun sinċier jien man-nies.”
Ġurnalist: “Mhux hekk mhux hekk.”