Niġerjan ġie kkundannat għal 13-il sena ħabs wara li f’ġuri nstab ħati li pprova jittraffika madwar kilo droga kokaina.
Il-ġurati taw il-verdett tagħhom il-Ħamis li għadda fejn instab ħati b’seba’ voti kontra tnejn.
Jirriżulta li f’Awwissu tal-2009, Kofi Otule Friday kien ftiehem ma’ Austin Uche u Tony Johnson, żewġ Niġerjani oħra biex jittraffikaw qrib il-kilo droga kokaina lil xi ħaddieħor f’Malta għall-prezz ta’ €20,000.
Fil-Qorti ngħad li Uche kien indika li jaf xi ħadd li lest jixtri d-droga mingħand in-Niġerjani u għamel l-arranġamenti meħtieġa.
Id-droga kienet inġabret mid-dar ta’ Friday f’San Pawl il-Baħar u ttieħdet lejn iċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa.
Jirriżulta li l-Pulizija kienet mgħarrfa bit-traffikar li kien se jsir u waqfet u arrestat lil Uche u Johnson fl-inħawi t’Għajn Dwieli.
L-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienet sabet basket iswed li kien fih id-droga u li mit-testijiet li saru kellha purità ta’ 33% u valur fit-triq ta’ €72,000.
Fl-2013 Johnson kien ikkundannat disa’ snin ħabs u mmultat €30,000.
Sentejn ilu mbagħad Austin Uche weħel ħames snin ħabs u mmultat €7,000 wara li ammetta l-involviment tiegħu.
Friday issa weħel 13-il sena ħabs u ġie ordnat iħallas multa ta’ €30,000.