Il-familji Maltin huma l-aktar ottimisti għall-futur.
Dan joħroġ minn stħarriġ li jsir kull xahar mill-Kummissjoni Ewropea fost familji u negozji f’pajjiżna, li wera kif fl-ewwel xahar tas-sena, l-indiċi tas-sentiment ekonomiku laħaq il-livell ta’ mija u tnejn. Dan huwa tnejn fil-mija aħjar mill-medja storika u dsatax fil-mija aqwa mil-livell f’Jannar tas-sena l-oħra.
Jirriżulta wkoll li l-livell t’ottimiżmu kien l-istess livell tas-sentiment ekonomiku espress f’Jannar tal-elfejn u għoxrin, jiġifieri qabel bdiet il-pandemija.
Minkejja li għadna f’pandemija, l-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea wera kif f’Jannar kien hawn ottimiżmu aktar milli kien hawn f’Jannar tal-elfejn u tlettax, qabel il-bidla fl-amministrazzjoni.
Anki meta mqabbel mar-riċessjoni tal-elfejn u disgħa, il-familji u n-negozji huma ferm iżjed kunfidenti llum milli kienu dakinhar.
Fl-istħarriġ ħareġ ukoll kif filwaqt li madwar l-Ewropa, is-sentiment ekonomiku naqas b’wieħed fil-mija bejn Diċembru u Jannar, f’Malta dan tjieb b’ħamsa fil-mija.
Apparti dan, f’kull settur f’Malta minbarra dak tas-servizzi, is-sentiment dan ix-xahar kien aħjar mill-medja storika.
Il-familji Maltin u Għawdxin kienu fost l-aktar kunfidenti fost il-familji kollha madwar l-Unjoni Ewropea.
Erbgħa fil-mija aktar jemmnu li l-ekonomija ta’ pajjiżna se tikber minn dawk li jemmnu li se tiċkien. Dan meta fl-Unjoni Ewropea, maġġoranza ta’ sbatax fil-mija tal-familji jistennew li l-ekonomija f’pajjiżhom se tkompli tmur għall-agħar.
Fis-settur tal-bejgħ, is-sentiment huwa bil-kontra ta’ dak li kien sena ilu meta kien hemm sentiment negattiv. B’differenza, din is-sena, maġġoranza ta’ erbgħa fil-mija qalu li qed jistennew tkabbir aktar fiż-żmien li ġej.
Sentiment aqwa qiegħed fis-settur tal-kostruzzjoni, b’maġġoranza ta’ sittax fil-mija jemmnu li għandhom bżonn aktar ħaddiema minħabba d-domanda tax-xogħol li dejjem qed tiżdied.