John Polidano, ta’ ħamsa u ħamsin sena minn Birżebuġa inżamm arrestat wara li ġie mixli bi vjolenza domestika u segwiment.
Il-Prosekuzzjoni qalet kif daħlula diversi rapporti ta’ fastidju fiżiku u permezz tat-telephone fil-konfront tal-imputat. Fost l-oħrajn, instema’ kif Polidano allegatament imur barra r-residenza t’omm it-tifel tiegħu f’Bormla fejn jagħmel storbju, jgħajjarha u jheddidha għall-aċċess t’ibnu.
L-imputat kiser ukoll sentenza sospiża li kien ingħata mill-Qorti fil-passat f’każ separat b’akkużi simili.
Polidano wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, filwaqt li d-difiża argumentat li l-mara kienet tmur hi stess fir-residenza tiegħu u tiltaqa’ miegħu bnadi oħra.
Din żiedet tgħid kif l-imputat għaddej minn trawma hekk kif imur jara lill-ibnu l-Appoġġ u dan ma jkunx hemm minħabba l-omm.
Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat f’dan l-istadju iżda għamlet talba sabiex l-akkużat jingħata għajnuna psikoloġika.
Liema talba kienet milqugħa mill-Qorti u rrakomandatha lid-Direttur tal-Ħabs, filwaqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-mara.