Ambjent Malta nediet skema ġdida ta’ seba’ mitt elf ewro, fejn il-Kunsilli Lokali se jkunu jistgħu japplikaw għall-fondi sabiex iwettqu proġetti ta’ tħaddir fil-komunità jħaddru l-komunitajiet tagħhom.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia, fejn appella sabiex il-Kunsilli Lokali jkunu ambizzjużi bil-proġetti tagħhom u japplikaw għall-iskema sat-22 ta’ Frar li ġej.
Spjega kif dan il-fond huwa parti minn pjan estensiv bil-għan li jissebbħu u jitħaddru l-komunitajiet Maltin. Dan kemm fil-qalba tagħhom iżda anke fil-periferiji, li minnhom jibbenefika kull ċittadin u turist f’pajjiżna.
Dawn il-proġetti jistgħu jinkludu tħawwil ta’ siġar, ġonna vertikali, proġetti ambjentali fil-pjazez u parks fost l-oħrajn. Il-Ministru spjega li dawn il-bidliet għandhom diversi vantaġġi, fosthom li jtejjbu s-saħħa mentali tar-residenti, u anka jgħinu fil-ġlieda kontra t-tniġġis.
Il-Ministru nnota kif il-Gvern biddel il-mod ta’ kif isiru l-proġetti ta’ tħaddir fil-komunitajiet
Aaron Farrugia tenna, “Qabel, it-tħaddir fiż-żoni urbani kien ikun ftit planters ġewwa l-pjazza tar-raħal jew il-lokalità. Aħna ħadna dan il-bogħod ħafna u llum qed nitkellmu dwar proġetti ta’ ‘l fuq minn miljun ewro li jagħtu kwalità li tilqa’ lil Maltin u anke t-trusiti ġewwa Malta.”
Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava, li spjega kif l-ispazji miftuħa u l-ambjent urban huma parti mill-viżjoni tal-Assoċjazzjoni. Għalhekk huwa kellu appell wieħed għall-kunsilli lokali.
Fava stqarr, “Inħeġġeġ lill-kunsilli lokali biex jagħmlu użu minn dawn il-fondi għaliex ċertament se jkunu qiegħdin jgħinu biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħhom.”
Wieħed jista jsib aktar informazzjoni fuq is sit https://environment.gov.mt/en/ambjentmalta/Pages/lcUrbanGreeningScheme2022.aspx.