Peter Agius, li b’ħafna pompa nħatar ‘chief spokesperson’ tal-Partit Nazzjonalista tmien xhur ilu biss, dabbar lura lejn Brussell.
Is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali kienu ilhom jindikaw li ġara xi ħaġa stramba għax Agius ftit li xejn kien qiegħed jidher ’l hemm.
Sal-lum, li m’għadux ‘chief spokesperson’ ma tħabbret imkien anke jekk meta sar, il-Partit Nazzjonalista imbotta l-aħbar kulimkien bħala waħda strateġika.
Ikkuntatjat mill-Maltatoday, Peter Agius ammetta li lebbet lura lejn Brussell.
Dan fost ħafna skużi u diskors ta’ kif fost oħrajn spiċċalu l-leave u se jibqa’ jħabbat il-bibien għall-Partit Nazzjonalista iżda s-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali spjegawlna li t-tluq ta’ Peter Agius imur lil hinn minn hekk.
Hemm min hu mgħarraf sew u sostna li hu wkoll riżultat ta’ kunflitti li setgħu nqalgħu.
Is-sorsi wkoll fakkruna kif meta Agius nħatar dan sar b’pompa kbira u ntqal li fl-irwol li ngħata kien se jiġbed lejn il-Partit Nazzjonalista votanti ġodda.
Agius stess kiteb: “Bernard Grech sejjaħli u jien għedt IVA.”
Kontinwament kien qed imexxi konferenzi tal-aħbarijiet sakemm f’daqqa waħda kważi sparixxa.
Jirriżulta li Peter Agius, li mar lura fis-servizzi tal-librerija tal-Parlament Ewropew, talab li kollox isir bil-kwiet għax hu jrid jikkontesta għall-Parlament Ewropew u ma xtaqx juri wisq li nqalgħu l-intoppi fl-irwol li suppost kellu jwasslu sal-elezzjoni ġenerali.
“Lanqas sena ma wassal u Alla jbierek telaq meta ma baqax iktar minn erba’ xhur għal kampanja elettorali. Ma kienx jaf qabel kemm kellu l-leave?!” spjegaw is-sorsi tagħna.
Il-Maltatoday qajmet punti oħra fl-artiklu tagħha meta qalet li l-irwol ta’ Agius seta’ kien qed joħloq kunflitt ma’ diversi deputati li kien qed jidher hu minn flokhom, xi ħaġa li wkoll kienet qed tissemma ħafna.
Intant fuq facebook, Peter Agius ikkonferma li telaq imma qal li se jibqa’ kelliem.
Li hu żgur hu li wara li ġie b’tant ewforija, telaq bla kliem u bla sliem u ngħaqad ma’ oħrajn li fl-iktar mument tal-prova naqsu u mhux żiedu l-impenn għal Bernard Grech.
Fosthom nies bħal Alessandro Farrugia, li wara kkampanjaw biex Grech isir Kap, telqu mill-impjieg strateġiku tagħhom fid-Dar Ċentrali.