Sentiment pożittiv fost l-għaqdiet tal-banda u tal-armar f’pajjiżna, wara li f’laqgħa bejn l-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin tħabbar li jekk is-sitwazzjoni tal-pandemija tibqa’ taħt kontroll, minn April li ġej il-festi tradizzjonali fl-irħula u l-ibliet jistgħu jerġgħu jiġu ċċelebrati b’mod responsabbli.
ONE News tkellem ma’ Anton Aquilina, is-Segretarju tas-Soċjetà Mużikali Beland, li qal kif qed iħares ’il quddiem biex il-bandisti jerġgħu jibdew ipaxxuna bil-marċi brijużi fit-toroq.
Aquilina tenna, “Hija aħbar sabiħa ħafna illi tkun ilek sentejn ma tiċċelebrax il-festa u ddoqq il-banda, hi xi ħaġa ta’ qsim il-qalb illi s-soċjetajiet mużikali huma purament magħmulha biex darba fis-sena jiċċelebraw b’mod festiv il-festa tal-lokal tkun xi ħaġa sabiħa li nerġgħu niġu kif konna qabel u kif jixraq lill-padrun u padruna ta’ kull lokalità.”
Tkellimna wkoll ma’ Benji Caruana li ta’ kull sena flimkien ma’ sħabu tal-Kummissjoni Armar Estern f’Birżebbuġa jarmaw ir-raħal fi żmien il-festa, li wkoll saħaq kemm kellu kummenti pożittivi għall-eżitu tal-laqgħa li saret.
Caruana stqarr, “Wara ħafna diskussjonijiet irnexxielhom jilħqu kompromess biex għall-inqas aħna bħala każin u bħala għaqda tal-armar u nar nerġgħu niġu għan-normal u għall-grazzja t’Alla jerġa’ jkollna saqajna mal-art biex naqbdu r-rankatura fejn konna fl-2019.”
Iż-żewġ dilettanti ngħaqdu f’appell komuni; li kulħadd ikun responsabbli.
Dawn tennew, “Vera rridu nkunu dixxiplinati u serji f’dak kollu li aħna nagħmlu. Mhux biss aħna bħala każini iżda l-poplu kollu jrid jisma’ mill-awtoritajiet… Kulħadd għandu jibqa’ b’saqajh mal-art u jimxi id f’id biex kulħadd igawdi wara sentejn li ma sarux il-festi kulħadd igawdi mill-frott.”
Fi stqarrija l-għaqda Każini tal-Banda kienet qalet li l-prinċipju ewlieni tad-diskussjonijiet li saru, fosthom mal-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, flimkien ma’ rappreżentanza mill-Kurja tal-Arċisqof, kien li s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi tibqa’ prijorità.
Intant dan kollu jfisser li l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira jkunu l-ewwel li jerġgħu jsiru, bi protokolli ċari.