Il-binja, li din is-sena se tibda tilqa’ fiha disa’ persuni b’diżabilità fil-Qrendi, tinsab fl-aħħar fażi tagħha. Fil-fatt, disgħin fil-mija tax-xogħlijiet huma lesti.
Ħabbret dan il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-binja li qed issir b’investiment ta’ miljun, tliet mija u ħamsin elf ewro.
Dan il-proġett li huwa wieħed minn fost tlieta li qed isiru, se jfisser serħan il-moħħ għall-ġenituri tal-persuni b’abbiltajiet differenti.
Farrugia Portelli tenniet, “L-ikbar uġigħ ta’ ras għall-ġenituri li għandhom it-tfal tagħhom b’diżabilità, x’se jiġri mit-tfal tiegħi meta jien niġi nieqes. Din id-dar tindirizza dik il-mistoqsija għaliex toffri dak il-wens, l-imħabba li hemm bżonn, djar ċkejkna fl-irħula tipiċi Maltin illi joffru l-inklużjoni imma wkoll kunċett ta’ indipendenza fil-komunità.”
Din id-dar se tkun amministrata mill-Aġenzija Sapport, li bħalissa għandha taħt il-ħarsien tagħha disat idjar f’Malta u oħra f’Għawdex.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Ruth Sciberras qalet kif dawn id-djar huma armati bl-aqwa teknoloġija li tkun tista’ tassisti lir-residenti biex ikunu aktar indipendenti.
Ruth Sciberras qalet, “Hija importanti ħafna li persuni b’diżabilità jkunu fi djar żgħar fil-komunità biex ikunu jgħixu qishom f’familja. Aħna bħala Aġenzija Sapport nibqgħu nsegwu l-persuni b’diżabilità anke meta jidħlu f’dawn id-djar, nagħmlu pjanijiet individwali u nsegwuhom kemm lilhom u kemm il-familji tagħhom.”
Intant, is-Sindku tal-Qrendi David Schembri laqa’ dan il-proġett u semma kif il-komunità Qrendija se tgħin ukoll biex tilqa’ fi ħdanha r-residenti f’din id-dar.