Fil-ġnien ta’ Sant’Anton qed isiru xogħlijiet estensivi ta’ restawr sabiex dan il-post li jżuruh bosta għal skop rikreattivi jerġa’ jirritorna għall-glorja tiegħu.
Il-ġnien li jagħmel parti mill-Palazz tal-President kien ġie estiż mill-Gran Mastru Antoine De Paule fl-1623. Maż-żmien dan il-ġnien ġarrab diversi ħsarat.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia spjega x-xogħlijiet ewlenin li qed isiru f’dan il-ġnien minn Ambjent Malta u GreenServ.
“Fl-aħħar ġimgħat u xhur ħdima fuq ħajt li tarah int u dieħel fil-ġnien, kien krolla u waqa’, u issa reġa’ nbena mill-ġdid skont is-sengħa. Ovvjament issa qed inħarsu lejn xogħlijiet ferm akbar sabiex dan il-ġnien li huwa ta’ grad numru 1 bħala skedar, issa ntellgħuh fuq A+. Allura x-xogħlijiet li saru huwa fuq il-pavimentar illi hawn bżonn xogħlijiet kbar fuqhom, l-għamara, il-funtani, il-guvi li ilhom hawn mitluqin ħafna snin u dan il-ġnien li ilu ma jara investiment fih issa se jara l-investiment meħtieġ.”
Ġie spjegat kif l-interventi se jkunu qed jikkumplimentaw il-karattru storiku u kulturali ta’ dan il-ġnien.
Dan filwaqt li ntqal kif minn Ottubru tas-sena li għaddiet ġew investiti kważi mija u sitta u sebgħin elf ewro, fosthom fuq il-bini mill-ġdid ta’ żewġ sezzjonijiet tal-ħajt li kienu ġew imġarrfa, tħejjew xogħlijiet tal-elettriku, sar aġġornament fil-bankijiet tal-ġebel u twettqu xogħlijiet ta’ restawr fuq il-ġebel, fost oħrajn.
Intant, dan il-ġnien storiku kienu żaruh bosta dinjiatrji fosthom ir-Reġina Eliżabbetta t-Tieni.
Fil-fatt illum il-ġurnata wieħed jista’ jsib numru ta’ siġar antiki u ta’ speċi rari li kienu tħawlu bħala tifkira taż-żjara tagħhom.