Jekk il-każijiet tal-Covid-19 fil-komunità jibqgħu taħt kontroll, minn April ta’ din is-sena l-attivitajiet reliġjużi esterni u dawk festivi jistgħu jerġgħu jiġu ċċelebrati b’responsabilità.
Dan tħabbar mill-Għaqda Każini tal-Banda propju wara laqgħa kordjali li saret bejn il-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, flimkien ma’ rappreżentanza mill-Kurja tal-Arċisqof dwar kif jistgħu jkunu ċċelebrati l-festi din id-sena fl-ibliet u fl-irħula.
Fi stqarrija l-għaqda qalet li l-prinċipju ewlieni ta’ dawn id-diskussjonijiet kien li s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi tibqa’ tingħata prijorità.
Intant dan kollu jfisser li l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira jkunu l-ewwel li jerġgħu jsiru, bi protokolli ċari.
Bis-sitwazzjoni taħt kontroll il-festi tas-sajf imbagħad jiġu ċċelebrati b’mod normali.
Tħabbar ukoll kif l-attivitajiet marbuta mal-festi li ser jiġu ċċelebrati fix-xhur ta’ Frar u Marzu, fosthom San Pawl fil-Belt u San Ġużepp fir-Rabat, jistgħu jiġu organizzati skont il-protokolli preżenti.
L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda ħeġġet lil kull min hu involut fil-festi sabiex jibqa’ juri serjetà u dixxiplina ħalli nerġgħu niċċelebraw u norganizzaw l-attivitajiet reliġjużi u l-festi esterni li jiffurmaw parti mill-patrimonju Malti.
L-għaqda ħeġġet ukoll lid-dilettanti tal-festi jikkonkorru għat-tilqim hekk kif dan jgħin biex jinżammu taħt kontroll l-agħar effetti tal-pandemija.
Dwar dan il-Prim Ministru Robert Abela f’kitba fuq Facebook qal kienet laqgħa pożittiva.
Dr Abela qal kif dan qed isir b’responsabilità, sabiex id-dilettanti tal-festi jkunu jistgħu jħarsu lejn ir-rebbiegħa u s-sajf b’entużjażmu.