Il-Qorti tal-Appell naqqset is-sentenza li kien ingħata Clyde Farrugia minn Naxxar f’Ottubru li għadda, wara li ġie mixli li fil-Karnival tan-Nadur kien ħebb għal żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta.
Huwa kien ukoll ġie mmultat €4,000.
L-Imħallef Cosnuelo Scerri Herrera, li ppresediet l-Appell, ikkundannat l-attitudni taż-żagħżugħ madanakollu naqset is-sentenza għal sentejn sospiżi għal erba’ snin.
Hija ħafritlu wkoll il-multa iżda talbitu jħallas €956 fi spejjeż tal-Qorti.
Qabel tat id-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef ikkunsidrat l-età u r-rekord kriminali ta’ Farrugia.
Fil-Qorti tal-Maġistrati kien instema’ kif ftit wara li kien ingħata ċitazzjoni minħabba kontravenzjoni ta’ parkeġġ, huwa kien daħħal iċ-ċitazzjoni f’ħalqu u beżaqha.
Sakemm iż-żewġ uffiċjali kienu għadhom ħdejn il-karozza tal-akkużat, huwa mar minn warajhom u ħebb għalihom.