Il-Perit Michelle Piccinino nħatret Kap Eżekuttiv ġdid tar-Reġistru tal-Artijiet u se tkun qed tmexxi din l-Awtorità wara l-Kap Eżekuttiv uxxenti, Charles Attard.
Il-Perit Michelle Piccinino gradwat bħala perit u inġinier ċivili mill-Università ta’ Malta f’Ġunju tal-1995.
Minn dakinhar, kienet fdata f’diversi karigi għolja fis-settur pubbliku.
Hija bdiet il-karriera tagħha fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar u kompliet fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), li hija r-regolatur ewlieni tal-ambjent.
Minn Marzu 2020 hija kienet tokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-ERA.
Filwaqt li rringrazzja lis-Sur Charles Attard tas-servizz dedikat lejn ir-Reġistru tal-Artijiet, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat ta merħba lill-Perit Michelle Piccinino u qal li hemm riforma estensiva ppjanata għal dan il-qasam.