F’Diċembru li għadda Malta kellha l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja u fl-2021.
Fl-aħħar xahar tas-sena l-oħra l-qgħad naqas fuq xahar qabel u mqabbel mal-istess xahar ta’ sena qabel, in-numru ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol naqas b’aktar min-nofs.
Skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, f’Diċembru li għadda, in-numru ta’ persuni qiegħda kien ta’ 1,167.
Dan ifisser li f’sena, in-numru ta’ persuni qiegħda naqas bi kważi 1,600.
Dawk li kienu ilhom jirreġistaw għax-xogħol għall-inqas minn wieħed u għoxrin ġimgħa jew għal aktar minn sena, naqsu.
In-numru ta’ persuni b’diżabilità jirreġistraw għax-xogħol prattikament baqa’ l-istess meta mqabbel ma’ sena qabel.
F’Malta issa l-qgħad ilu jonqos b’mod konsekuttiv għal 19-il xahar.
B’rabta ma’ din l-istatistika, fuq twitter, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif is-sena l-oħra ntemmet bl-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja u saħaq li minkejja dan l-iżvilupp pożittiv, se jibqa’ jaħdem iżjed biex l-ekonomija Maltija toħloq xogħol għal kulħadd.