Il-Kelliem għas-Saħħa tal-Partit Nazzjonalista għamel diskors fil-Parlament li jikkuntrasta mal-pożizzjoni populista tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech.
Qal, “Għalhekk importanti li għalkemm se nersqu lejn normalita ġdida. Importanti li nkomplu nħarsu miżuri li jipproteġuna.”
Il-Gvern beda dik li sejjaħ ‘exit strategy’ mill-miżuri kontra l-Covid-19 għax in-numri bdew ikunu kkontrollati u r-rata tal-booster żdiedet.
Fil-fatt wara li l-pajjiż laħaq livell ta’ 75% li ħadu l-booster bdew jonqsu l-postijiet fejn teħtieġ ċertifikat tal-vaċċin u d-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne indika li wara li tneħħiet il-kwarantina għal kuntatti sekondarji, il-pass li jmiss hu li tonqos għal kuntatti primarji u eventwalment tista’ titneħħa wkoll.
Minn naħa tiegħu il-Kap tal-Oppożizzjoni, li għamel u-turn wara oħra fuq is-suġġett tal-Covid-19, baqa’ jattakka d-deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa kull fejn jara li jista’ jirbaħ punti politiċi.
L-ewwel qal li se joqgħod fuq il-parir tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, iżda mbagħad reġa’ darlu.
Iżda, it-Tabib Stephen Spiteri ddikjara fil-Parlament li huwa kruċjali li wieħed joqgħod fuq il-pariri tal-esperti mediċi.
Qal, “Iva nkomplu noqogħdu fuq il-parir tal-esperti. Aħna meta niddeċiedu, meta nitkellmu, meta niddjalogaw irid ikollna bażi. Ma jistax ikun kulħadd ifajjar minn ’l hemm u min ’l hawn. Speċjalment fis-saħħa.”
Skont it-Tabib Stephen Spiteri, is-Saħħa Pubblika għandha tibqa’ prijorità.
Qal, “Għandna jkollna prijorità s-Saħħa Pubblika, għax l-ewwel li rridu nevitaw il-mortalità assoċjata ma’ dan il-virus. It-tieni ħaġa l-morbidità, il-kumplikazzjonijiet assoċjati ma’ dan il-virus għax dan prattikament mard. Kif ukoll l-effett u l-pressjoni kemm fuq il-kura primarja u sekondarja.”