Bl-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida se tiġi solvuta anomalija li kien ħoloq Gvern Nazzjonalista meta waqqaf l-ARMS.
Is-sistema ġdida ta’ kif ser ikunu ikkalkolati l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ser tidħol fis-seħħ b’lura sa mill-ewwel ta’ Jannar li għadda.
Dan ħabbritu l-Ministru Miriam Dalli f’diskors fil-Parlament l-Erbgħa filgħaxija fejn ġie spjegat kif din is-sistema l-ġdida ser tkun qed telimina l-anomalija li kien hemm fil-mod ta’ kif ikunu kkalkolati l-kontijiet.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet kif din is-sistema mhux biss ser twassal għal kontijiet irħas tad-dawl u l-ilma iżda ser tippromovi konsum bil-għaqal skont il-pjan nazzjonali għad-dekarbonizazzjoni.
Qalet kif bħalissa għaddej xogħol sabiex isiru l-emendi neċessarji fl-avviż legali li kien daħħal Gvern Nazzjonalista u li kien ħoloq din l-anomalija fil-mod ta’ kif ikunu kkalkolati l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
“Qegħdin naħdmu fuq sistema sabiex nassiguraw lin-nies li l-familji tagħna jagħmlu użu mill-allokazzjoni kollha ta’ units f’kull band u m’aħniex ser nagħmlu bħal Partit Nazzjonalista li ried jgħolli l-eco contribution u jgħolli l-kontijiet għan-negozji u jipperikola l-impjiegi.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Il-Ministru Dalli spjegat kif sakemm tkun qed tiġi żviluppata s-sistema, biex tkun żgurata l-aħjar implimentazzjoni, il-poplu Malti u Għawdxi mill-ewwel ser jibbenefika minn kontijiet orħos hekk kif din ser tibda tapplika b’lura mill-1 ta’ Jannar li għadda.
“Meta tibda titħaddem din is-sistema ser nieħdu kalkolu tal-konsum tal-persuni mill-bidu ta’ Jannar ’il quddiem u b’hekk il-konsumaturi jkunu jistgħu jġemmgħu l-orħos units li ma jużawx u jkunu jistgħu jutilizzaw il-units kollha għad-diżpożizzjoni tagħhom.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Il-Ministru Dalli temmet tgħid kif fl-aħħar tmien snin grazzi għal bosta miżuri li ttieħdu minn Gvern Laburista l-familji u n-negozji diġà frankaw aktar minn 600 miljun ewro.