Il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jibgħat messaġġi kunfliġenti fuq il-co-option ta’ Graziella Galea fil-Parlament.
Filwaqt li fuq naħa, il-Partit Nazzjonalista qed jgħid li d-deċiżjoni li Galea tieħu s-siġġu parlamentari ta’ David Thake kienet waħda unanima, Graziella nnifisha ammettiet li kien hemm il-ġlied fuq is-siġġu li ħadet hi.
Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut, li jimxi mal-messaġġ iddettat mal-establishment Nazzjonalista tant li kien fost l-ewlenin li dejjem internament mexxa l-pożizzjoni tal-Blue Heroes, irrimarka li kien hemm qbil dwar Graziella Galea biex issir Deputat Nazzjonalista.
“Il-Ġimgħa l-oħra fil-Partit Nazzjonalista kien hawn vot sigriet ġewwa l-Kumitat Eżekuttiv li jinkludi ukoll il-Grupp Parlamentari. Liema vot sigriet kien vot unanimu favur il-proposta tal-Kap Bernard Grech sabiex Graziella Galea tkun co-opted ġewwa l-Parlament.”
Madankollu lejlet li kellha tieħu l-ġurament ta’ Membru Parlamentari, fil-każin Nazzjonalista ta’ Santa Luċija quddiem Bernard Grech, Graziella Galea ammettiet li qam il-ġlied dwar is-siġġu parlamentari tagħha.
“Nirringrazzja lil kull min aċċetta il-proposta tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech anke jekk forsi personalment ma qabilx ma’ din id-deċiżjoni. Nifhem li ma kinitx deċiżjoni faċli speċjalment jekk tkun fl-istess tellieqa.”
Barra l-Parlament ONE News kien staqsa lil Graziella Galea għal min kienet qed tirreferi fid-diskors tagħha.
Evidentament skomda hija qalet biss li kienet ċara fi kliemha
Ġurnalist: “Forsi tista’ tgħidilna għal min kont qed tirreferi l-bieraħ meta rreferejt għal dawk li ma qablux mad-deċiżjoni tal-Kap.”
Graziella Galea: “Kont ċara fid-diskors illi għidt naħseb.”
Ġurnalist: “Ma tantx għax qed insaqsik issa għal min kont qed tirreferi.”
Graziella Galea: “Kont ċara fid-diskors li għidt.”
Filwaqt li quddiem l-uġigħ li kkawżat id-deċiżjoni li tingħata s-siġġu parlamentari hija tenniet li ma tinsabx skomda, meta mistoqsija jekk id-diskors tagħha l-Ħadd ħammarx wiċċ Bernard Grech, li warrab lil Ivan Bartolo u Joe Giglio biex ta s-siġġu lilha, hija baqgħet siekta.
Ġurnalist: “Għaliex skomda quddiem din id-deċiżjoni?”
Graziella Galea: “M’iniex skomda, taf biżżejjed li m’iniex skomda.”
Ġurnalist: “Taħseb li ħammartlu wiċċu l-bieraħ il-Kap b’dak id-diskors? … L-ewwel mistoqsija tiegħek bħala Membru Parlamentari wkoll mhux ħa tweġibha.”
Quddiem Bernard Grech il-Ħadd filgħodu d-dikjarazzjoni ta’ Galea kienet imbarazzanti mhux ftit għal Kap li għasar u rema lil Ivan Bartolo wara li kien tah is-siġġu parlamentari tiegħu.
Mat-Times Ivan Bartolo ammetta li huwa diżappuntat bid-deċiżjoni li ttieħdet mit-tmexxija tal-Partit.
Iżda din id-deċiżjoni ma ddiżappuntatx lil Ivan Bartolo biss.
Ma’ Bartolo, tħalla l-art ukoll l-Avukat Joe Giglio.
Il-gazzetta KullĦadd kienet żvelat kif dan sar fuq ordni tal-hekk imsejħa Blue Heroes biex jiġu protetti l-interessi elettorali ta’ Jason Azzopardi u Karol Aquilina hekk kif Joe Giglio jikkandida ruħu fuq id-distretti ta’ dawn iż-żewġ bastjuni tal-establishment Nazzjonalista.