Wara li d-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia ħarġet tattakka qatta’ bla ħabel lid-Deputat ieħor u eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia dwar eżami li għamel bħala Avukat fil-każ ta’ libell li fetaħ kontra l-Lovin Malta, il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista ħareġ jgħid li dan huwa każ magħluq.
Dan għaliex skontu Bernard Grech iltaqa’ maż-żewġ deputati.
“Infurmat illi l-Kap tal-Partit Bernard Grech iltaqa’ kemm ma’ Therese Comodini Cachia u kemm ma’ Adrian Delia u l-każ huwa, huwa magħluq.”
Madankollu, barra l-Parlament ftit wara li Sammut tenna dan, Adrian Delia kkonferma li Bernard Grech m’għamel l-ebda laqgħa miegħu iżda kellmu biss permezz ta’ telefonata.
Ġurnalist: “B’telefonata saret din il-laqgħa?”
Adrian Delia: “Jien mhux laqgħa. Min-naħa tiegħi mhux nitkellem fuq laqgħa pero tkellimna fuq il-materja iva.”
Filwaqt li Mark Anthony Sammut tenna li din l-istorja hija każ magħluq, Adrian Delia qalilna kif permezz tat-telefon ma tagħlaqx każijiet.
Huwa stqarr kif dan mhux l-aħjar mod li bih Bernard Grech seta’ jipprova jagħlaq is-sitwazzjoni.
“Jiena fuq it-telephone ma tantx inħobb nagħmel konklużjonijiet għaliex ma naħsibx li b’telefonata huwa l-aħjar mod.”
Fuq twitter Comodini Cachia, li ilha bit-tikketta ma’ Delia tant li riedet tieħodlu postu bħala Kap tal-Oppożizzjoni, qalet li dak li għamel Delia fil-Qorti mal-Lovin Malta kien surreali u dak li sejħet bħala ‘poor taste’.
Dan fuq il-kontro-eżami li Delia għamel fil-Qorti lill-Editur tal-Lovin Malta b’rabta mal-libell li fetaħ Delia kontra s-sit li fuqu għad għandu kontroll enormi l-istrateġista tal-Kap Bernard Grech, Chris Peregin.
Filwaqt li Therese Comodini Cachia ħarġet tattakka lil Adrian Delia hija naqqset milli tattakka bl-istess mod lil David Thake, li wkoll fetaħ libell kontra ONE News meta l-istejjer ma bdewx idoqqu għal widnejh hekk kif bdew jikxfulu għawwaru.
Dwar dan in-nuqqas ta’ konsistenza ta’ Therese Comodini Cachia, Delia qal biss li fortunament illum mhux xogħlu li joqgħod jara x’qed jagħmlu d-deputati hekk kif issa m’għadux il-Kap.
Huwa temm jgħidilna li issa David Thake u Therese Comodini Cachia m’għadhomx problema tiegħu.
“Fortunatament issa m’għadx għandi r-responsabbilità illi noqgħod nara u nqiss x’għamlu membri parlamentari oħrajn jien. Tra altro David Thake m’għadux membru parlamentari u Therese Comodini Cachia diġà ddikjarat li mhux ser tkun qed tikkontesta l-elezzjoni jiġifieri.”
AQRA WKOLL: