Bħal kumplament tal-pajjiżi Ewropej, il-gżejjer Maltin bħalissa qed jesperjenzaw kesħa fina.
L-esperti tat-temp ilhom għal dawn l-aħħar jiem ibassru temperaturi baxxi u bil-possibilità ta’ silġ f’ċertu nħawi tal-pajjiż.
ONE News tkellem ma’ Svetlana Caruana, uffiċjal fl-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li spjegat x’qed iwassal għal din il-kesħa.
“Bħala sitwazzjoni ġenerali għandna arja ta’ pressjoni għolja li qed testendi mill-Atlantiku għall-Ewropa sal-Balkani. Qed testendi għal fuq iċ-ċentru tal-Mediterran. Din hija arja kiesħa li konsegwetament qed iġġib temperaturi baxxi għall-gżejjer Maltin.”
Intqal li kollox qed juri li l-jum tat-Tlieta se jkun l-aktar jum kiesaħ din il-ġimgħa.
“Dal-lejl irreġistrajna hawnhekk Ħal Luqa temperatura ta’ 6.4 degrees li ma kinitx l-inqas temperatura reġistrata għal Jannar ta’ din is-sena, jiġifieri l-inqas kienet ta’ 5.9 degrees fil-15 ta’ Jannar. Li jista’ jkun illum hija l-aktar ġurnata kiesħa għal dan Jannar peress li lħaqna around 10 degrees.”
Svetlana Caruana qaltilna wkoll kif fil-lejl li ġej it-temperatura mistennija tibqa’ nieżla u jekk jiġri dan ikun l-aktar lejla kiesħa ta’ Jannar fi tliet snin.
“Għal dan il-lejl li ġej nistennew li t-temperatura ħa tinżel aktar minn 6.4 iġifieri kemm kienet il-lejl ta’ qabel, mistennija tinżel kapaċi 5 degrees. Dan għaliex se jkun hawn anqas sħab mil-lejl ta’ qabel, ir-ruħ mhux se jkun mill-grigal u ħa jkun mill-Majjistral u allura se jkun aktar dry u ħa jkun ħafif ir-riħ.”
L-anqas temperatura li qatt ġiet innutat mill-uffiċċju meteoroloġiku f’Malta kienet dik ta’ madwar grad.