Mal-2,000 ruħ oħra saru jirċievu pensjoni wara miżuri li daħħal il-Gvern waqt pandemija biex b’hekk dawk li kellhom inqas bolol imħallsa bdew jirċievu pensjoni.
Ma’ ONE News, l-għada li minn riċerka u studju ppubblikat mid-Direttorat ta’ riċerka tal-Kummissjoni Ewropea ħareġ li Malta għandha l-inqas rata ta’ faqar assolut minn fost is-sebgħa u għoxrin stat membru tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon spjega kif b’żewġ interventi, aktar nies bdew jirċievu pensjoni.
Dan billi dawk b’minimu t’għaxar snin bolol imħallsa saru eliġibbli għall-pensjoni u l-Gvern neħħa wkoll ir-rekwiżit li l-bolol imħallsa jridu jkunu mill-1979 ’il quddiem, is-sena li daħlet il-liġi tal-pensjoni taż-żewġ terzi.
“F’waqt pandemija jiġifieri f’żewġ budgets daħħalna elfejn ruħ oħra, ħafna minnhom nisa, jieħdu l-pensjoni. Il-pensjonijiet żidnihom, sena wara sena u kellna wkoll miżura soċjali b’saħħitha meta għollejna b’dan il-Budget, l-għajnuna supplimentari. Għax dak huwa faxxa li nafu li d-dħul tiegħu huwa dak li hu u l-għajnuna supplimentari hija preċiżament indirizzata biex dawk li l-aktar għandhom bżonn għajnuna, nagħtuhielhom.”
Bil-Budget għal din is-sena, 29,000 persuna qed igawdu minn żieda fl-għajnuna supplimentari bi spiża ta’ €5.6 miljun.
Fil-fatt l-għajnuna supplimentari żdiedet għal kull persuna li tirċievi dan il-benefiċċju u b’hekk qed igawdu l-pensjonanti, anzjani u anke persuni li jistgħu jkunu f’impjieg jekk ma jkollhomx tfal taħt is-16-il sena.
Minn din is-sena, persuni miżżewġa jew koppji li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx l-€14,318 qed jirċievu żieda fil-benefiċċju li tvarja bejn il-€3.47 u s-€6.50 fil-ġimgħa, skont id-dħul tagħhom.
Dan filwaqt li persuni waħidhom inkluż romol, li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx l-€10,221 qed jirċievu żieda ta’ bejn €4.10 u €5.00 fil-ġimgħa.
B’kollox biż-żieda fil-pensjonijiet u l-għajnuna supplimentari, ħafna pensjonanti qed jaraw żieda ta’ €500 fis-sena.
Din hija ekwivalenti għal ċekk ieħor tal-pensjoni matul is-sena.
Quddiem miżuri soċjali bħal dawn, il-Ministru Michael Falzon saħaq li l-Gvern jibqa’ jisħaq li l-faqar mhux perċezzjoni u jagħraf realtajiet soċjali f’pajjiżna u jaġixxi b’miżuri speċifiċi, immirati biex jgħollu l-livell t’għajxien taċ-ċittadini.
“Ir-riżultati huma pożittivi minn dak l-att. Għamilna diversi miżuri u ovvjament il-miżuri jridu jkunu mmirati li jgħinu faxxa speċifika. Dan fis-sens illi inti tara illi anki b’ċaqliq li tagħmel fis-servizzi soċjali tgħin l-aktar lil dawk il-faxxex li huma l-aktar vulnerabbli.”