Id-dispjaċir li ġabet id-deċiżjoni ta’ Bernard Grech li jagħti s-siġġu parlamentari ta’ David Thake lil Graziella Galea ġabet weġgħat kbar fid-Dar Ċentrali.
B’mod speċjali għall-Ivan Bartolo li hu stess kien ta s-siġġu parlamentari tiegħu lil Bernard Grech.
Kienet Graziella Galea stess li f’diskors li għamlet il-Ħadd filgħodu kkonfermat li kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar din id-deċiżjoni tal-Kap.
Bħal donnu biex titfa’ l-melħ fil-ferita hija rringrazzjat lil dawk li ma qablux mad-deċiżjoni tal-Kap u li saħansitra fi kliemha kienu fit-tellieqa magħha.
“Nirringrazzja lil kull min aċċetta il-proposta tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech anke jekk forsi personalment ma qabilx ma din id-deċiżjoni. Nifhem li ma kinitx deċiżjoni faċli speċjalment jekk tkun fl-istess tellieqa.”
L-għada li qalet dan id-diskors barra l-Parlament ONE News staqsieha għal min kienet qed tirreferi fid-diskors tagħha.
Evidentament skomda hija qalet biss li kienet ċara fi kliemha
Ġurnalist: “Forsi tista’ tgħidilna għal min kont qed tirreferi l-bieraħ meta rreferejt għal dawk li ma qablux mad-deċiżjoni tal-Kap.”
Graziella Galea: “Kont ċara fid-diskors illi għidt naħseb.”
Ġurnalist: “Ma tantx għax qed insaqsik issa għal min kont qed tirreferi.
Graziella Galea: “Kont ċara fid-diskors li għidt.”
Filwaqt li quddiem l-uġigħ li kkawżat id-deċiżjoni li tingħata s-siġġu parlamentari hija tenniet li ma tinsabx skomda, meta mistoqsija jekk id-diskors tagħha l-Ħadd ħammarx wiċċ Bernard Grech, li warrab lil Ivan Bartolo u Joe Giglio biex ta s-siġġu lilha, hija baqgħet siekta.
Quddiem Bernard Grech il-Ħadd filgħodu d-dikjarazzjoni ta’ Galea kienet imbarazzanti mhux ftit għal Kap li għasar u rema lil Ivan Bartolo wara li kien tah is-siġġu parlamentari tiegħu.
Mat-Times Ivan Bartolo ammetta li huwa diżappuntat bid-deċiżjoni li ttieħdet mit-tmexxija tal-Partit.
Iżda din id-deċiżjoni ma ddiżappuntatx lil Ivan Bartolo biss.
Ma’ Bartolo, tħalla l-art ukoll l-Avukat Joe Giglio.
Il-gazzetta KullĦadd kienet żvelat kif dan sar fuq ordni tal-hekk imsejħa Blue Heroes biex jiġu protetti l-interessi elettorali ta’ Jason Azzopardi u Karol Aquilina hekk kif Joe Giglio jikkandida ruħu fuq id-distretti ta’ dawn iż-żewġ bastjuni tal-establishment Nazzjonalista.
Is-sorsi tal-gazzetta KullĦadd, fil-fatt kienu spjegaw kif Bernard Grech kien għal kollox eżiljat minn din id-deċiżjoni biex ikun żgurat li Giglio ma jingħatax siġġu parlamentari
Dan hekk kif lil Jason Azzopardi u Karol Aquilina ma niżlitilhomx tajjeb mill-bidu, il-kandidatura ta’ Giglio u għalhekk din id-darba kienu ċari kristall mal-Kap u n-nies ta’ madwaru.
Il-KullĦadd kienet irrappurtat ukoll kif l-għaqda Repubblika kienet kontra li Giglio jsir parti mill-Grupp Parlamentari.
Dan hekk kif il-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina iddefenda lill-għażiż ħuh, Karol Aquilina.