Is-sena li għaddiet Infrastruttura Malta ħawlet 22,162 siġra, jiġifieri medja ta’ 60 siġra kuljum. Dan sar b’investiment ta’ erba’ miljun u erba’ mitt elf ewro.
Dawn is-siġar u arbuxelli tħawlu f’35 lokalità madwar il-pajjiż.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg, fi Ġnien Joseph Farrugia f’Ħad-Dingli fejn qed isiru xi xogħlijiet minn Infrastruttura Malta.
Il-Ministru Borg innota kif l-istess żona fejn hemm il-ġnien, kienet art għall-iżvilupp iżda minflok sar spazju miftuħ biex jitgawda mir-residenti u dawk li jiffrekwentaw iż-żona.
“Infrastruttura m’aħniex qed nitkellmu biss fuq it-toroq, fuq il-proġetti l-kbar, imma qegħdin ukoll nintervjenu fil-komunitjiet billi noħolqu spazju miftuħa ġodda bħal f’dan il-każ hawnhekk ġewwa Ħad-Dingli, imma wkoll fuq kollox ninvestu fit-tħaddir tagħhom. €4.4 miljun, is-sena l-oħra biss aktar minn 22,000 siġra ġdida u bis-sistemi tal-irrigazzjoni, għaliex nafu kif ħafna drabi l-problema kienet mhux li ma jitħawlux is-siġar imma li mbgħad ma jissaqewx u ma jibqgħux jieħdu ħsiebhom. Dawn huma xogħlijiet importanti illi żgur qed ikunu apprezzati mill-komunitajiet differenti.”
Ian Borg semma wkoll kif bl-inizjattiva ta’ afforestazzjoni fuq livell nazzjonali issa żdiedu aktar minn 42,000 siġra u 38,000 arbuxell f’postijiet urbani u rurali differenti minn mindu tnediet l-inizjattiva msemmija fl-2019.
Din l-inizjattiva ġiet estiża wkoll fil-gżira Għawdxija.
Intqal ukoll li fl-2020, l-aġenzija Infrastruttura Malta kellha tisostitwixxi ’l fuq minn 1000 siġra li nsterqu jew ġew ivvandalizzati.