Xeni mhux tas-soltu fil-Greċja u t-Turkija, hekk kif il-bliet kapitali ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi bi klima tipikament sħuna matul is-sena kollha, inksew bis-silġ.
Minħabba li din hija xi ħaġa rari, speċjalment f’Ateni, bosta servizzi ġew milquta fosthom it-trasport pubbliku u l-għeluq ta’ xi skejjel.
Diversi suldati fil-Greċja ħarġu jqassmu l-ikel, ilma u kutri lis-sewwieqa li nqabdu f’temperaturi kesħin.
Silġ bħal dan f’Ateni huwa rari ħafna però din hija t-tieni sena konsekuttiva li għamlu maltempati bis-silġ fil-belt Griega.
F’Istanbul, belt metropolitana li tospita mas-sittax-il miljun persuna, ġew sospiżi s-servizzi tat-trasport pubbliku għal xi ħin, għalqu l-universitajiet u diversi ħwienet u uffiċini pubbliċi għalqu kmieni.
L-uffiċċju tal-Gvernatur ta’ Istanbul qal li ħaddiema ċivili jistgħu jibqgħu d-dar tul il-jum tat-Tlieta, ħlief dawk li jaħdmu fis-servizzi tas-saħħa, sigurtà u tat-trasport.
Kien hemm ukoll xi titjiriet li tħassru kawża tal-ammont ta’ borra li niżlet.