Is-sena l-oħra, in-numru ta’ ħaddiema Għawdxin impjegati f’Malta li jaħdmu bit-teleworking tela’ għal 72.
Dan intqal waqt li l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar l-uffiċini tal-kumpanija Apex Fund Services Ltd f’Birkirkara.
Din il-kumpanija timpjega seba’ ħaddiema Għawdxin u ġiet mgħejjuna permezz ta’ skema ta’ inċentivi favur it-telework għall-ħaddiema Għawdxin impjegati f’Malta.
Id-Direttur għat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex Ronald Sultana spjega li l-kumpanija Apex Fund Services ingħatat appoġġ finanzjarju minn aspett ta’ xiri t’apparat teknoloġiku kif wkoll qed tingħata appoġġ rikorrenti ta’ rimborż parzjali tas-salarju ta’ dawn il-ħaddiema.
Ma’ Sultana ngħaqdet id-Direttur Maniġerjali ta’ Apex, Paulianne Nwoko, li rrikonoxxiet l-għajnuna tal-Gvern.
“Ninsab sodisfatta ħafna b’din it-tip t’inizjattiva li għenitna nagħmlu l-Gozo Teleworking Scheme. Għandna seba’ impjegati aħna li qegħdin jibbenefikaw minn din l-inizjattiva u li permezz tagħha stajna nissapportjaw kemm permezz ta’ teknoloġija u anki s-set up tagħhom biex jaħdmu minn ġewwa darhom u ma jkollhomx għalfejn jinżlu ġewwa l-uffiċċju tagħhom f’Malta, ta’ kuljum.”
Waqt iż-żjara li għamel, il-Ministru Clint Camilleri qal li l-Gozo Teleworking Scheme issa daħlet fit-tielet sena tagħha.
Huwa kkonferma li se tibqa’ titħaddem żgur għas-sentejn li ġejjin.
Spjega li fl-2020, din l-iskema inċentivat 54 ħaddiem u s-sena l-oħra żdiedu 18-il ħaddiem ieħor igawdu minn din l-iskema.
Il-Ministru Camilleri qal li mill-bidu tal-iskema, il-Gvern iffinanzja madwar €150,000 f’rimborż.
Il-Ministru temm jgħid li din l-iskema hija fost l-inċentivi li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jieħu sabiex ikompli jżid ix-xogħol f’Għawdex u għall-Għawdxin.
“Propju sal-lum il-ġurnata għandna xejn anqas minn 72 persuna b’mod globali li llum qegħdin jibbenefikaw minn din l-iskema u propju qegħdin jaħdmu b’mod remot. Għaldaqstant se nkomplu għaddejin sabiex ninċentivaw ferm aktar kumpaniji li jidħlu parti minn din l-iskema sabiex jibbenefikaw huma stess kif ukoll l-impjegati tagħhom