Il-President Amerikan, Joe Biden qal li hemm “unanimità totali” mal-mexxejja Ewropej dwar dak li qed jingħad li qed tippjana r-Russja biex tinvadi l-Ukrajna.
Il-President Biden qal dan f’telefonata virtwali li kellu ma’ diversi mexxejja Ewropej hekk kif ħafna mexxejja tal-Punent qed jaraw li jkollhom strateġija komuni kontra l-azzjonijiet tar-Russja.
Ir-Renju Unit wissa lir-Russja b’sanzjonijiet bla preċedent jekk tinvadi lill-Ukrajna.
Ir-Russja ċaħdet tali akkużi minkejja li hemm mal-mitt elf suldat u truppi mal-fruntieri.
Fit-telefonata mal-Istati Uniti u r-Renju Unit kien hemm il-mexxejja ta’ Franza, tal-Ġermanja, tal-Italja, tal-Polonja u tal-Unjoni Ewropea. Anki l-Kap tan-NATO, Jens Stoltenberg kien preżenti.