“F’pandemija Għawdex baqa’ miexi ’l quddiem.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività politika fin-Nadur il-Ħadd filgħodu.
Dr Abela tkellem dwar is-suċċess li kisbet il-gżira Għawdxija fix-xhur u s-snin li għaddew.
Huqa qal li “nħossni sodisfatt li Għawdex mhux talli ma qalax id-daqqa li kulħadd kien qed jobsor li jaqla’ iżda Għawdex ir-realtà tgħidlek li baqa’ miexi ’l quddiem u mhux baqa’ staġnat fejn kien minħabba l-pandemija. Imxejna ħafna ’l quddiem mill-2013 sa meta ġiet il-pandemija imbagħad kulħadd beża’ li jew se jistaġna jew jimxi lura. Bil-kontra ġara Għawdex baqa’ miexi ’l quddiem.”
Il-Prim Ministru semma kif meta daħlu fis-seħħ bosta miżuri b’rabta mal-Covid-19, il-Gvern ra li jkun ġeneruż m’Għawdex hekk kif ried jipproteġi bil-qawwi lil din il-gżira.
Hawnhekk huwa nnota s-suċċess kbir li l-gżira tat-tliet għoljiet kellha fil-qasam tax-xogħol.
Tenna li “nistgħu nitkellmu dwar il-futur t’Għawdex għaliex kellna strateġija li fl-aktar mument diffiċli immaġinabbli, ħadmet. X’għandna llum? L-anqas rata ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol li qatt kellna f’Għawdex, bħal f’Malta. Waqt pandemija fejn l-aqwa esperti bassru li l-qgħad se jerfa’ rasu, f’Għawdex f’pandemija ħloqna elfejn impjieg ġdid.”
Dr Abela saħaq kif fl-aħħar sentejn, kuljum, f’Għawdex żewġ Għawdxin aktar jaħdmu xogħol full-time. Dan ifisser li bħalissa hawn l-akbar ammont ta’ Għawdxin li qed jaħdmu f’Għawdex stess.
Ma naqasx li fin-Nadur, il-Prim Ministru jsemmi l-proġetti riċenti li saru u tejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti Għawdxin.
Huwa semma “l-proġett tal-fast ferry, kemm qalulna ma tagħmluhx? Poġġejna moħħna hemmhekk u għamilnih. Insemmi l-proġett tat-tieni fibre optic cable, kruċjali għamilnih waqt pandemija, bqajna għaddejjin. Insemmi l-proġett tar-reverse osmosis, li għall-ewwel darba ta awtonomija lil din il-gżira fil-ġenerazzjoni tal-ilma.”
Dr Abela semma wkoll il-bosta skemi tal-budget b’rabta mal-bini f’Għawdex u anke sabiex din il-gżira żżomm il-karateristiċi uniċi tagħha.
Il-Prim Ministru nnota s-suċċess li għamel Għawdex, din id-darba fejn jidħol il-qasam turistiku.
“Fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra kellna passiġġieri li ġew lejn Għawdex, bejn Maltin u turisti, li huwa daqs kemm kellna fl-aħħar kwart tal-2019, qabel il-pandemija. Hekk irridu aħna xogħol għall-Għawdxin. U għalhekk li Għawdex se jibqa’ fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li se jieħu dan il-Gvern.”