L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia għamel kontro-eżami fil-konfront tal-editur tas-sit Lovin Malta dwar artiklu li ġie ppubblikat is-sajf li għadda, li allega li Delia kien f’komunikazzjoni mal-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, waqt dibattitu parlamentari wara li sar magħruf li Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.
Delia kien ċaħad dawn l-akkużi u fil-kontro-eżami mal-editur tal-Lovin Malta, Julian Bonnici ħareġ li Bonnici ma rax il-messaġġ propja li jissemma fl-artiklu.
L-editur tal-Lovin Malta qal li huwa ra ritratt tal-messaġġ mibgħut.
Għas-sit Lovin Malta deher l-Avukat Andrew Borg Cardona magħruf bħala l-‘Boċċa’, li fl-awla qal li huwa se jippreżenta xi dokumenti li jinsabu fid-dominju pubbliku.
Kien hawn li fl-awla, Adrian Delia pprotesta hekk kif ried li dawn ikunu quddiem il-Qorti dak il-ħin għax seta’ jagħmel mistoqsijiet dwar il-kontenut tad-dokumenti.
Il-ġlieda bejn Delia u l-Lovin Malta hi xhieda oħra tal-qasma fil-Partit Nazzjonalista hekk kif l-attakk li fetaħ libell dwaru Delia sar ftit wara li Chris Peregin ingħaqad fil-Partit Nazzjonalista biex ikun strateġista tal-Kap Bernard Grech.
L-ingaġġ ta’ Peregin u sussegwentament l-attakk fuq Delia kien nissel rabja kbira fost il-fazzjoni ta’ Delia.
Fl-istadju bikri tal-proċeduri fil-Qorti bejn Delia u tal-Lovin Malta, kien inqala’ intopp għaliex tal-Lovin Malta ma kinux dehru f’seduta.
“Ma marrux jiġbru l-posta reġistrata biex ma jiġux il-Qorti. Biex flok toħrog il-verità jibqgħu jitfgħu t-tajn. Dik serjetà!.”, kien qal Adrian Delia.
Skont sostenituri ta’ Delia, it-tajn ġej minn dawk il-kwartieri fil-Partit Nazzjonalista li għandhom kuntatti sew mas-sit li Peregin ta’ Bernard Grech għad għandu l-maġġoranza tal-ishma fih u b’hekk huwa s-sid ewlieni tiegħu.