Il-Papa Emeritu Benedittu XVI ammetta li ta informazzjoni falza waqt investigazzjoni li trattat l-abbużi sesswali mill-Arċi-djoċesi ta’ Munich fil-Ġermanja bejn l-1945 u l-2019.
Il-ġimgħa li għaddiet, f’rapport li analizza l-abbużi sesswali fil-Knisja Kattolika fil-Ġermanja nstab li l-Papa Emeritu, dak iż-żmien il-Kardinal Joseph Ratzinger, ma ħax azzjoni meta kien Arċisqof bejn l-1977 u l-1982.
Ir-rapport jgħid kif Ratzinger kien jaf b’każ ta’ abbuż minn qassis fuq minorenni u li dan tħalla jaqdi l-irwoli saċerdotali tiegħu xorta waħda.
L-avukati li nvestigaw dan l-abbuż nnutaw kif il-Papa Emeritu kien qal li ma kienx attenda laqgħa li saret fl-1980 sabiex jiġi diskuss każ ta’ abbuż minn qassis.
Illum fi stqarrija, Benedittu XVI qal li fil-fatt kien attenda għal din il-laqgħa u tenna li dak li kien intqal bi żball.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Papa Benedittu kien iddispjaċut u skuża ruħu.
Minn tal-inqas 235 persuna nkixfu bħala persuni li allegatament wettqu abbuż.
Ir-rapport skopra wkoll li hemm mal-487 vittma.
Il-ġimgħa li għaddiet il-Papa Franġisku wiegħed ġustizzja għall-vittmi kollha ta’ abbużi sesswali minn membri tal-Knisja Kattolika.