Ftit tal-ġimgħat wara li tlestiet Triq it-Torri ta’ Kenuna fin-Nadur, il-Ministru għall-Għawdex żar il-proġett li huwa eżempju ieħor tat-titjib li qiegħed isir fl-infrastruttura tal-gżira Għawdxija.
Il-proġett ta’ Triq il-Kenuna irrikjeda li tinbena mill-qiegħ it-triq filwaqt li ra l-bini ta’ Belvedere ġdid li jagħmilha faċli taċċessa l-veduti fuq il-fliegu tal-gżejjer Maltin.
Is-sigurtà tal-post ukoll kienet indirizzata bit-tpoġġija ta’ bollards ġodda tad-dawl u sistema ġdida ta’ dawl.
Dan il-proġett sar b’finanzjament mill-Ministeru għall-Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tan-Nadur.
Is-Sindku tan-Nadur Edward Said irringrazzja lill-Gvern għal din il-ħidma li tinkludi ukoll proġetti oħra bħal dawk ta’ toroq residenzjali u arterjali.
L-istess tenna l-Viċi Sindku.
“Nixtieq nirringrazzja propju lill-Ministru għal Għawdex, lil Clint Camilleri li b’impenn personali ħa ħsieb biex jara li dan il-proġett jiġi fi tmiemu.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fakkar kif fil-Budget għal din is-sena ġew allokati ħdax-il miljun ewro għall-kostruzzjoni u t-titjib tat-toroq. Din is-somma hija eżempju ħaj tal-investiment bla preċedent li qiegħed isir f’Għawdex.
L-investiment f’Għawdex, li huwa fuq nett tal-aġenda ta’ Gvern Laburista wassal għat-tlestija ta’ madwar tnejn u erbgħin elf metru kwadru ta’ toroq ġodda.
Barra minn hekk, is-sena l-oħra rat aktar toroq ġodda jitlestew fil-gżira Għawdxija b’total ta’ tmienja u sittin elf metru kwadru.
Il-Ministru Camilleri wiegħed kif matul din is-sena ser jkompli x-xogħol fuq aktar toroq bl-istess ritmu madwar l-irħula kollha ta’ Għawdex.
“Din hija waħda mis-sensiela ta’ toroq li wettaqna fis-sena li għadha kif għaddiet fejn madwar Għawdex għamilna xejn anqas minn 68 elf metru kwadru ta’ tarmak. Tajna committment li t-toroq u l-infrastruttura f’Għawdex iridu jkunu priorità u propju dak li qegħdin nagħmlu.”