Kien ħamsa u għoxrin sena ilu, fl-elf disa’ mija u sebgħa u disgħin, meta saċerdot umli minn Ħal Qormi, ħalla lil Malta biex jaqdi l-vokazzjoni saċerdotali tiegħu fl-Albanija.
Is-saċerdot li d-dedikazzjoni u l-qalb ħanina tiegħu wassluh sabiex jinħatar Arċisqof Metropolitan ta’ Tirana u Durres.
Monsinjur Ġorġ Frendo, li jgħodd il-ħamsa u sebgħin sena, nhar il-Ħamis li ġej se jaqbad l-ajruplan biex jiġi lura Malta, issa bħala l- Arċisqof Emeritu tal-Albanija.
L-ewwel jiem ta’ Monsinjur Frendo fl-Albanija ma kinux faċli, għaliex hekk kif rifes l-art ta’ dan il-pajjiż kellu jxammar il-kmiem u jħabbat wiċċu ma’ gwerra ċivili.
Frendo tenna, “Għadni niftakar jien il-ġurnata li wasalt, kienet il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu għax għażiltha apposta festa Marjana, 16 ta’ Lulju, u dakinhar li wasalt fir-raħal fejn kont se noqgħod kienu għadhom kemm qatlu tliet persuni minn familja waħda. Kien żmien ta’ ħafna ġlied u qtil ma kienx żmien sabiħ.”
Fl-elf disa’ mija u tmienja u disgħin Ġorġ Frendo sar Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi u wara fl-elfejn u sitta nħatar Isqof Awżiljarju.
Għaxar snin wara, il-Qdusija tiegħu l-Papa Franġisku ried lis-saċerdot Malti jmexxi l-Knisja t’Alla fl-Albanija.
Ġorġ Frendo ħabbat wiċċu ma’ faqar kbir, iżda fil-ħidma tiegħu dejjem sab l-id ġeneruża tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Monsinjur qal, “Sibna hemmhekk faqar kbir u anke bnejna Knisja u konna strumentali ħafna li bl-għajnuna tal-Maltin stajna ngħinu ħafna familji li kienu qed jgħixu fi djar tal-injam jew anke tal-kartun.”
L-Arċisqof Emeritu qalilna li l-Albaniżi bkew it-tluq tiegħu.
Huwa stqarr, “Hawnhekk jiġi d-dispjaċir allura għaliex se nħalli din id-Djoċesi mhux għaliex kont imdejjaq, mhux għaliex il-Poplu ma laqanix, anzi ngħidlek li frankament illi d-dmugħ li rajt f’dawn il-ġranet qatt ma rajtu b’għajnejja f’ħajti kollha.”
Emozzjonat, Monsinjur Frendo qal li l-poplu Albaniż se jibqa’ dejjem f’qalbu.
Frendo żied jgħid, “Irringrazzjajthom għall-kooperazzjoni li sibt minnhom, għar-rispett illi dejjem urewni u anke fl-istess ħin wgħedthom li se jkollhom dejjem post importanti f’qalbi.”
F’Novembru tal-elfejn u għoxrin, Dun Ġorġ Frendo kien f’qagħda serja wara li rriżulta pożittiv għall-Covid-19, u mill-Albanija kien ittieħed b’ajruplan militari Taljan għall-kura fi sptar f’Bari.
Intant, mistoqsi x’se jagħmel la jiġi lura Malta, l-Arċisqof Emeritu qal hekk.
Tenna, “Żgur li mhux se nkun idejja fuq żaqqi, żgur li se nkun attiv.”
Is-Sibt li għadda, uffiċjalment Monsinjur Frendo ma baqax ir-rgħaj spiritwali tal-Arċidjoċesi, hekk kif f’ċerimonja fil-Katidral ta’ San Pawl f’Tirana, li għaliha kien hemm preżenti l-ogħla awtoritajiet Albaniżi, inħatar Arjan Dodaj minfloku.
F’Malta Ġorġ Frendo se jerġa’ jingħaqad ma’ familtu u anke ma’ ħutu biex ikompli jaqdi s-sejħa t’Alla f’art twelidu.