Fix-Xagħra Għawdex ġiet iċċelebrata l-festa ta’ Sant’Anton Abbati.
Din is-sena l-festa, li s-soltu jattendu għaliha mijiet ta’ nies, saret b’mod ridott, hekk kif bħal kull festa oħra saru biss iċ-ċelebrazzjonijiet fuq ġewwa.
L-istorja ta’ din il-festa tmur lura s-snin, hekk kif il-knisja ddedikata lil dan il-qaddis serviet għal diversi snin bħala l-knisja ewlenija fix-Xagħra.
Fil-fatt diversi rapporti storiċi juru li din il-knisja hija waħda mill-eqdem f’Malta u Għawdex.
Meta wieħed jirfes l-għatba ta’ din il-Knisja ċkejkna għajnejh jiġbdu mal-ewwel lejn it-titular, li juri lix-xwejjaħ Sant’Anton tal-ħanżira fid-deżert u hemm jissimbolizza wkoll il-marda tal-pesta li ħakemt lix-Xagħra fl-1814 u li ħalliet għexieren mejta.
Din is-sena l-komunità rat ukoll sett mill-isbaħ ta’ bandalori ġodda, filwaqt li nġabru il-flus għall-karità, fosthom Dar Arka.
L-Isqof tad-Djoċesi Għawdxija Anton Teuma, akkumpanjat fost l-oħrajn mir-Rettur tal-Knisja ta’ Sant’Anton Abbati l-Kan. Michael Galea, iċċelebraw quddiesa solenni fil-Bażilika ta’ Marija Bambina.