Kien ħmistax ilu li kelb instab fejn Monte Carmeli u nġabar mill-animal welfare. Kienu propju huma li ħadu dan il-kelb l-isptar tal-annimali għall-kura. Fl-isptar ingħata kura għall-ħmistax-il ġurnata, iżda t-tama ta’ dan il-kelb kienet tiddependi fuq telefonata.
Kien propju lbieraħ li Maria D’Amato, li hija magħrufa sew ma’ dawk li jħobbu l-annimali rċeviet telefonata mill-isptar biex jaraw jekk din il-mara, ta’ spiss deskritta li għandha qalb tad-deheb, kinitx lesta li tgħinu hekk kif il-kundizzjoni tiegħu fi kliem il-veterinarji ma għamlet ebda kambjament u li fi kliemha kien se jitraqqad.
Dan il-kelb isib diffikultá biex jimxi hekk kif għandu xi problemi fil-moħħ. Maria temmen li l-kelb jista’ jfieq u għalhekk iddeċidiet li taħslu u tieħdu d-dar tagħha.
Dalgħodu l-kelb mexa ftit u din il-mara saħanistra ġabitlu fiżjoterapista għall-annimali. Hija stqarret li ma tiflaħx tara aktar moħqrija u nies li jitfgħu kelb barra mal-ewwel problema.